Il-Kultura Beltija

Photo: Tomoko Goto

Photo: Tomoko Goto

Mhux diffiċli biex temmen li l-Beltin – ir-residenti tal-Belt Valletta – huma poplu kburi. L-istemma tal-Belt turi ljun fuq sfond aħmar – simbolu xieraq.

Ir-residenti tal-Belt għandhom sens qawwi ta’ komunità, u huma magħqudin flimkien bħallikieku kienu familja kbira. Huma miġburin fi tliet parroċċi: San Pawl, San Duminku u Santu Wistin. Knisja oħra sabiħa, imma li mhix parroċċa hija dik dedikata lill-Madonna tal-Karmnu fi Triq it-Teatru l-Antik. Fil-fatt, hemm erba’ festi kbar (differenti mill-festi ż-żgħar li għal min mhux midħla, jistgħu jidhru spontanji). Dawn huma: In-Nawfraġju ta’ San Pawl (10 ta’ Frar), Santu Wistin (11 ta’ Mejju), il-Madonna tal-Karmnu (16 ta’ Lulju) u San Duminku (3 ta’ Awwissu).

Il-festi Maltin jgħaqqdu l-komunità u l-folol jinġabru fit-toroq biex jieħdu sehem fil-purċissjonijiet, jissoċjalizzaw, jaqsmu ikel u xorb tradizzjonali u jieħdu gost jaraw il-logħob tan-nar spettakolari u kkulurit u jisimgħu l-mużika tal-baned lokali li fil-Belt hemm tnejn – La Vallette u King’s Own.

Festa kulturali oħra kbira li ssir fil-Belt, imma li jiċċelebraha kulħadd, hija dik tal-Karnival. Fi żmien il-Karnival, in-nies jilbsu l-kostumi u jiżfnu fuq il-karrijiet maħduma minn nies tas-sengħa. Il-Karnival huwa ċelebrazzjoni ta’ mużika u kulur li jieħdu gost biha kemm it-tfal kif ukoll il-kbar, u żgur li mhux ta’ min jitlifha.