Ġojjell Arkitettoniku
Il-Belt innifisha hija kapulavur arkitettoniku. Imdawra bis-swar maestużi mibnija mill-Ordni ta’ San Ġwann, hija teżor ta’ ġmiel arkitettoniku b’binjiet sbieħ Barokki, palazzi spettakolari, knejjes impressjonanti, teatri tal-għaġeb u ġonna pittoreski.
Il-kavallieri, magħrufa għad-devozzjoni tagħhom lejn il-fidi Kattolika u l-imħabba għall-palazzi, raw li jkun hemm mit-tnejn f’kull belt li bnew. Fil-fatt, waħda mill-ewwel binjiet li nbnew fil-Belt Valletta kienet il-Knisja tal-Vitorja, xhieda tal-fidi tagħhom u r-rebħa kontra t-Torok fl-Assedju l-Kbir. Illum, insibu aktar minn 25 knisja fil-Belt Valletta. Forsi waħda mill-aktar binjiet impressjonanti tal-kavallieri huwa l-konkatidral ta’ San Ġwann, katidral maestuż Barokk li fih hemm miżmuma ħafna mill-għotjiet tal-kavallieri.
Il-kavallieri bnew ukoll numru ta’ palazzi, jew bereġ, madwar il-Belt Valleta, waħda għal kull lingwa differenti tal-ordni tagħhom. Il-Palazz tal-Gran Mastru huwa ġojjell arkitettoniku, fost l-aktar strutturi tal-għaġeb fiċ-ċentru tal-Belt. Oriġinarjament il-Berġa tal-Italja, u ddisinjata minn Ġlormu Cassar, fiha diversi xogħlijiet artistiċi sbieħ bħal arazzi u affreski, kif ukoll armerija impressjonanti.
Ġewwa l-ħitan tal-Belt, wieħed jista’ wkoll jirrilassa bilqiegħda f’xi wieħed mill-ġonna, filwaqt li jgawdi veduti tal-portijiet tal-Belt u ż-żoni tal-madwar. Mill-ġonna Hastings fuq in-naħa tal-Punent tal-għolja Sciberras, wieħed jista’ jara l-port ta’ Marsamxett u l-istrutturi spettakolari li hemm fix-xatt. Fuq in-naħa tal-Lvant, wieħed jista’ jara l-fortifikazzjonijiet sbieħ tat-tlett ibliet tal-Kottonera, kif ukoll il-Port il-Kbir.
Bħalissa, il-Belt Valletta għaddejja minn proċess ta’ riġenerazzjoni u qawmien, fejn żoni qodma li qabel kienu mitluqa, qed jerġgħu jingħataw il-ħajja. Strada Stretta hija l-aħjar eżempju ta’ dan il-proċess ta’ tiġdid li qed jiġri bħalissa fil-Belt. Mitluqa sa ftit snin ilu, illum saret waħda mill-iktar toroq mimlija attività bil-bars, ristoranti u wine bars miftuħa sa bil-lejl. Il-biċċerija l-antika wkoll qed tiġi rranġata bil-pjan li din issir ċentru għall-kultura u l-arti.
Madankollu, il-Belt Valletta żviluppat maż-żminijiet u llum tista’ tiftaħar ukoll b’arkitettura moderna bħal-lift tal-Barrakka, li għandu wkoll stil kontemporanju u sperimentali, kif ukoll il-bini tal-parlament il-ġdid, iddisinjat mill-perit Renzo Piano li hu bbażat Pariġi. Piano ħadem ukoll fuq it-teatru l-antik, li kien iġġarraf minn bomba fit-Tieni Gwerra Dinjija, billi niseġ dak li kien fadal mill-istruttura oriġinali fil-viżjoni moderna tiegħu. Il-Belt Valletta tħaddan il-bidla. Iżżomm il-wirt storiku tagħha filwaqt li timxi ’l quddiem, u ssir nisġa waħda ta’ binjiet, qodma u ġodda.
Dritt mill-ħolm tal-Gran Mastri: l-Istorja tal-Belt Valletta
Il-Belt Valletta, jew kif inhi magħrufa man-nies tal-lokal, il-Belt, hija l-kapitali ta’ Malta. Il-Belt hija msemmija għal Jean Parisot de La Valette, Gran Mastru tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li kkumissjona l-bini tagħha wara r-rebħa tal-Assedju l-Kbir fl-1565.
Il-Belt kienet iddisinjata mill-perit Taljan Francesco Laparelli, li kien assistent tal-kbir Michelangelo. Ix-xogħol tkompla minn Ġlormu Cassar, perit Malti li kien assistent ta’ Laparelli, minħabba li dan laħaq miet qabel ma tlesta x-xogħol.
Il-Belt rat numru ta’ rvellijiet, imma għadha wieqfa sal-lum, tilqa’ lil dawk kollha li jixtiequ jsiru jafuha mill-qrib. Il-ħolma tal-Gran Mastri tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, din hija belt li ssaħħar u li żgur tisraq il-qlub ta’ dawk kollha li jirfsu ’l ġewwa mill-bibien tagħha.