X’inhi Valletta 2018?

VALLETTA 2018: TĦARES FEJN TĦARES FESTA 

META TKUN TGĦIX FUQ GŻIRA, BĦAL MALTA, IX-XEFAQ JOFFRI TAMA, JOFFRI RABTIET ĠODDA, JOFFRI ĦOLOQ INTRIGANTI. MIN-NAĦA L-OĦRA, IX-XATT JIĠBDEK LURA LEJN DAR MIMLIJA DETTALJI MIFLIJA U ESPLORATI.

Malta tista’ tiġi mqabbla ma’ palk ċkejken irid jisplodi bit-teatriċità, biż-żejjed u l-eżuberanti. Xi drabi  kantuniera bogħod, drabi oħra taħt imnieħrek jew fuq l-għatba ta’ biebek.  Fl-istess waqt, dawn l-ispazji żgħar li huma gżejjer, għexu l-miġjiet u t-tislimiet tal-portijiet, u llum ikomplu jistagħnew minn rabtiet li jmorru lil hinn mix-xtut tagħna. Il-pożizzjoni ġeografika strateġika ta’ Malta, jiġifieri bejn l-Ewropa u l-Afrika, hi pożizzjoni unika għaliex toffri spazju li jilqa’ fih ċelebrazzjoni ta’ kulturi diversi. Barra minn hekk, l-istil Mediterranju huwa fattur ta’ valur għall-identità tal-gżira għax kapaċi jwassal perspettivi iktar varji u u iktar profondi. Dan huwa wkoll l-ispazju ideali biex jilqa’ fih il-Belt Kulturali Ewropea.

 

IT-TEMI TA’ VALLETTA 2018

STEJJER TA’ GŻIRA

JIĠIFIERI ĦAJJA FUQ GŻIRA, KIF TKUN? NGĦIDU AĦNA, TISTA’ SSUQ MALTA U GĦAWDEX KOLLHA F’NHAR WIEĦED MINGĦAJR MA TARA L-IMKEJJEN U L-IRKEJJEN KOLLHA. ĦARSA MILL-QRIB LEJN IL-ĦAJJA FUQ IL-GŻIRA TRODD NARRATTIVI DIVERSI LI JINTERAĠIXXU FLIMKIEN; MHUX BOJOD JEW SUWED, IMMA GRIŻI.

Min-naħa l-oħra, nisimgħu li Malta żgħira, storbjuża, emottiva. F’Malta ma tistax teħles mill-ħarsa tal-ġara u kif ddur il-kantuniera biex forsi teħles minnha, issib lil xi ħadd jiġi minnek, daqqa b’aħbar tajba tal-jum ta’ qabel u daqqiet oħra b’aħbar ħażina ta’ xhur ’il bogħod. Fuq gżira bħal Malta, it-teatru tat-triq mimli ħajja – teatru b’doża ta’ kummiedja traġika li diffiċli tirreżistiha. Min-naħa l-oħra, hemm il-Malta mimlija nies u mimlija bini. Hija waħda mill-iktar gżejjer maħnuqa bin-nies – fattur ieħor li jtella’ fil-wiċċ kwistjonijiet bħal spazji vojta li m’għandhomx użu u postijiet li ma jifilħux għal iżjed nies.

Mistoqsija li dejjem titla’ fil-wiċċ hi: kif se nesploraw aħjar in-narrattivi li jiżviluppaw f’Malta u Għawdex u ngħaqqduhom flimkien? Bla dubju, l-ispazji tal-komunità u l-immaġni tal-baħar miftuħ jilagħbu rwol importanti fil-vjaġġ lejn is-sejba ta’ soluzzjonijiet aħjar – għax meta l-ispazji privati ma ssibhomx f’ħakka t’għajn, il-Maltin iduru lejn l-ispazji tal-komunità għall-kumpanija, u lejn il-baħar biex jieħdu nifs ġdid.

In-narrattivi li l-istejjer tal-gżejjer ifittxu li jtellgħu fil-wiċċ huma immaġni ħajja u bla konfini ta’ żmien u ħin. Ir-realtajiet, il-komunitajiet u l-ispazji li jużaw jistgħu jiġu mħaddma biex jinħoloq materjal ġdid, kif jistgħu jitwieldu wkoll spazji ġodda li fihom wieħed jista’ japprezza t-tradizzjoni.

BAROKK FUTUR

IL-BAROKK FUTUR HUWA MOD TA’ GĦAJXIEN. EXTRAVAGANZA. TEATRIĊITÀ. RITMU TA’ KULJUM. KULUR. TIŻJIN. EŻAĠERAZZJONIJIET. MOVIMENTI. L-ISPETTAKLU HUWA L-FILOSOFIJA ĊENTRALI TAL-BAROKK FUTUR.

Il-belt kapitali tagħna, bil-qalba Barokka, tlibbset stili diversi matul is-snin, u hija l-isfond li jgħid stejjer ħajja fuq l-istorja u l-kultura tagħna.

Malta tal-lum titkellem il-lingwa tal-Barokk b’vuċi għolja daqs l-arkitettura tagħha. Illum il-komunitajiet jingaġġaw mat-tessut tal-belt hi u tiżviluppa u tinħaseb mill-ġdid matul iż-żmien. Il-Belt hekk issir palk li fuqu l-ħajja u l-ideat jevolvu kontinwament, joqogħdu, jiżviluppaw u jiffurmaw lilhom infushom mill-ġdid.

Il-Barokk Futur jaqbad fih spiritwalità sospiża xi mkien bejn it-tradizzjonali u l-kontemporanju. L-isfond tal-Belt hu mogħni bil-bżonn tar-ritwal; l-ornamenti mlewna, il-pavaljuni fit-toroq għall-karnival jew il-festi tal-kapitali li jiftaħru b’rikkezza liema bħalha, imma wkoll joħolqu sensiela ta’ ħsejjes improvizzati li jpaxxu ’l widnejn. Wara ċ-ċekċik taċ-ċrieket u ċ-ċpiepet u t-tpaqpiq tal-karozzi, wara l-ispeakers iridu jinfaqgħu u l-kantaliena ta’ talb li jimlew it-toroq, hemm moħbija l-inklinazzjoni tagħna li nagħmlu ħoss. Imma lil hinn minn dan, hemm bżonn ġdid li dejjem jikber mżewweġ mas-sens antik ta’ spettaklu – il-bżonn li nsemmgħu leħinna fuq il-ħamba tal-belt.

VJAĠĠI

BIS-SAĦĦA TAL-PORTIJIET TAGĦHA, IL-BELT MINN DEJJEM KIENET IL-QALBA TA’ TAĦLIT KULTURALI. IL-WIRT ANTIK TA’ MALTA, L-GĦERUQ GĦARAB ID F’ID MAL-PASSAT U L-PREŻENT EWROPEW, IL-POŻIZZJONI ĠEOGRAFIKA U STRATEĠIKA LI TPOĠĠI LIL MALTA BEJN L-EWROPA U L-AFRIKA, JITTRADUĊU RUĦHOM F’BELT KAPITALI UNIKA – SPAZJU LI KAPAĊI JOSPITA INKONTRI SINJURI MAL-ĠIRIEN TIEGĦU U JĦEĠĠEĠ INKONTRI BEJN IL-ĠIRIEN INFUSHOM, ĠEWWA L-MEDITERRAN U LIL HINN.

Il-kapitali tagħna mhix aljena għall-kunflitti u r-resistenza: il-Belt Valletta hija belt imdawra bis-swar, mibnija biex tilqa’ għall-attakki u biex tiċċelebra r-rebħiet fi ħdanhom. Anke llum, il-belt imqiegħda fil-qalba ta’ kuntest globali usa’ li hu mmarkat minn instabbiltà politika li qiegħda tikber, u li ġġibna wiċċ imb wiċċ mal-vjolenza, l-eżilju u l-immigrazzjoni.

Valletta 2018 hija opportunità biex niċċelebraw il-ħajja u l-kreattività fil-kapitali filwaqt li nmantnu djalogu vitali; tipprovdi spazju fejn jiġu sfidati perspettivi dominanti, u testendi id ta’ ħbiberija lill-artisti kollha li jaħdmu taħt theddida. Huwa san li komunità tkun miftuħa għal diversi kulturi, u waqt li nkomplu naħdmu biex noħolqu sens ta’ appartenenza ġdid fi żmien ta’ diversità kulturali, għandna wkoll is-saħħa li nagħtu pjattaforma  għall-espressjoni lil diversi komunitajiet u l-kuntatti neċessarji biex jiġu appoġġjati skambji ta’ valur.