Bħala parti mill-Programm Kulturali tal-Fondazzjoni Valletta 2018 il-Curatorial School bi pjaċir ser ittella’ programm intensiv ta’ taħditiet bil-parteċipazzjoni ta’ kelliema mistiedna minn diversi istituzzjonijiet. Din l-attività hija maħsuba għal studenti u prattikanti li jaħdmu f’firxa ta’ oqsma relatati bħas-snajja’ tal-ġmiel, l-edujazzjoni artistika, l-amministrazzjoni artistika, il-kurazzjoni u l-istorja tal-arti.
It-tema tal-Curatorial School ta’ din is-sena – Curating the New – ser tiffoka fuq it-tifsira tal-‘ġdid’ fl-arti kontemporanja u fil-prattiki tal-kurazzjoni. Permezz tat-tlaqqigħ tal-perspettivi internazzjonali ma’ dawk lokali, il-programm ta’ din is-sena jistaqsi: x’inhi t-tifsira tal-‘ġdid’ fl-arti kontemporanja u fil-prattiki kuratorji?
Il-programm ta’ taħditiet tal-Curatorial School ser jesplora varjetà ta’ suġġetti relevanti ħafna għall-parteċipanti u l-istudenti ta’ żmienna. Dawn ser jinkludu l-ikkummissjonar ta’ xogħol ġdid mill-artisti, ir-rappreżentazzjoni mill-ġdid ta’ esebizzjonijiet storiċi, in-negozjar ta’ ideat bejn l-artisti u l-kuraturi, l-użu ta’ mezzi ġodda tal-midja fl-esebizzjonijiet, l-awtonomija artistika u l-‘użi’ tal-arti, ir-retorika tal-immaterjalità fl-arti kontemporanja u referenzi għal bosta esebizzjonijiet u postijiet artistiċi speċifiċi bħall-Art Rotterdam, il-Bjennali ta’ Berlin u l-Arts Maebashi.
Il-programm ser jinkludi wkoll sensiela ta’ workshops intertattivi li ser joffru lill-parteċipanti l-opportunità li jgħidu tagħhom fir-rigward tal-kompiti ppreżentati lilhom mill-kuraturi mistiedna u li jingħataw rispons estensiv rigward id-diversi aspetti tal-kurazzjoni, tal-produzzjoni u tal-preżentazzjoni ta’ ideat ġodda. It-temi tal-workshops jinkludu ‘Curating Light Art Projects in Public Space,’ ‘Curating in a Maltese Context,’ ‘Curating New Productions,’ ‘Art in the Public Domain’ u ‘From Concept to Exhibition.’
Biex tara l-lista sħiħa tal-kelliema mistiedna u tal-mexxejja tal-workshops żur il-paġna tal-Curatorial School 2016.