Il-proġett Deep Shelter Project jinqeda bl-użu ta’ immaġnijiet fejn in-natura tkun id-dinamika ċentrali li tlaqqa’ l-interazzjoni bejn diversi elementi. In-natura ssir metafora tal-jien li taqbad l-impressjoni tal-fluwidità u tat-tensjoni. Minn dan l-eżerċizzju joħorġu narrattivi bbażati fuq l-ideat tal-ivvjaġġar, taċ-ċikli, tar-ritmu, tal-bilanċ u tal-preżenza biex b’hekk il-pazjent iħossu komdu qisu f’daru, voldieri f’post fejn isib il-kenn u l-fehim.
Ix-xogħlijiet maħluqa jħeġġu l-proċess tan-narrazzjoni tal-pazjent filwaqt li jagħrfu l-ħsus li ma jistgħux jitpoġġew fi kliem – dak kollu li ma jitfissirx. Għaldaqstant minn dan jibda joħroġ qajl qajl proċess empatiku mal-jien. Barra dan ix-xogħlijiet ikunu miftuħa għall-interpretazzjoni individwali minħabba l-orjentazzjoni universali u t-test minimali tagħhom.
Il-proġett Deep Shelter Project ilaqqa’ flimkien ir-riċerka magħmula mill-Psychological Support Services taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-workshops sensorji ma’ dawk li għelbu l-kanċer u l-workshops artistiċi għall-ħolqien u l-għoti ta’ xogħlijiet tal-arti lill-ispazji kliniċi fl-isptarijiet.