Il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mal-Istitut tal-Arti Kreattiva fi ħdan l-MCAST tippreżenta lill-pubbliku serje ta’ Projezzjonijiet Diġitali kull Milied. Matul l-istaġun tal-festi ta’ din is-sena dawn l-ispettakli ser jerġgħu jixgħelu bl-ilwien il-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru fi Pjazza San Ġorġ. Lejliet l-Ewwel tas-Sena ser jittella’ wkoll spettaklu awdjoviżiv bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-Belt Valletta għas-sena l-ġdida.
Dawn il-projezzjonijiet huma mfassla mill-istudenti li qegħdin itemmu Baċellerat fl-MCAST fid-Disinn Grafiku u l-Midja Interattiva.
Din is-sena l-projezzjonijiet ser jintwerew bejn it-23 u l-31 ta’ Diċembru. Fil-31 ta’ Diċembru mistenni jintwera wkoll spettaklu speċjali li ser jagħti merħba lis-Sena l-Ġdida bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet Beltin tal-istaġun tal-festi.