Il-film Meta Tiġi MariRos, li huwa produzzjoni ta’ Shadeena Films, tnebbaħ mill-poeżija bl-istess isem ta’ Lilian Sciberras (isfel).
MariRos dejjem tkun ċ-ċentru tal-attenzjoni – dik li jgħiru għaliha u jzekzku dwarha. Dan il-film jippreżenta dan il-karattru mill-modi kif jipperċepixxuha n-nisa.
Il-kast tal-film jinkludi lil Madeleine Baldacchino fil-parti ta’ MariRos u lil Samuel Sultana li għandu aktar minn parti waħda.
Meta Tiġi MariRos ser jintwera għall-ewwel darba waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta nhar il-Ħamis 25 ta’ Awwissu. Il-Festival jibda fit-20:00. Id-dħul huwa ħlas.
Poetry on Film huwa proġett tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed.
META TIĠI MARIROS – Lilian Sciberras
Qaluli ħbiebi l-bieraħ
li meta tiġi MariRos
jintfew id-dwal fl-appartamenti,
jieqaf id-daqq, id-diski, ’r-radjijiet,
jieqfu l-karozzi quddiem id-dwal tat-triq,
jinqata’ għal ftit id-diskors kollu tal-ġirien
u jaqa’ l-kwiet,
u taqa’ l-ħemda kullimkien.
Qaluli wkoll li x-xita tieqaf tinżel,
li s-siġar tawwalin ta’ barra t-triq
jgħassu attenti dan l-intervall ta’ skiet
sabiex f’dik il-minuta twila
bejn nofs il-lejl u s-siegħa
tinstema’ MariRos
fl-aqwa mumenti tagħha
tħabbar lil ta’ madwarha
il-karba tal-pjaċir.