Il-Fondazzjoni Anna Lindh ser tospita l-Anna Lindh Euro-Mediterranean Forum fil-Belt Valletta bejn l-24 ta’ Ottubru u l-25 ta’ Ottubru 2016. Imwaqqfa fl-2005 mill-gvernijiet tal-Isħubija Ewro-Mediterranja (Euromed), il-Fondazzjoni hija organizzazzjoni internazzjonali magħmula minn 43 pajjiż Ewro-Mediterranju li tlaqqa’ lill-popli flimkien u tmexxi ’l quddiem id-djalogu interkulturali biex ittejjeb ir-rispett reċiproku bejn il-kulturi u biex tappoġġja lill-membri tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tagħhom favur ġejjieni komuni għar-reġjun.
Permezz tal-azzjoni u r-riflessjoni tagħha, il-Fondazzjoni Anna Lindh għandha l-għan li tagħti kontribut fl-iżvilupp ta’ Strateġija Interkulturali għar-Reġjun Ewro-Mediterranju billi tagħti pariri lid-deċiżuri u lill-istituzzjonijiet u billi taħdem favur valuri li jgħaqqdu lil kulħadd. Sabiex jitwettaq dan il-mandat, il-Forum ser iġib flimkien lill-organizzazzijiet tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-istituzzjonijiet reġjonali, il-korpi tal-midja, l-aġenziji donaturi u l-fondazzjonijiet sabiex jiskambjaw il-prattiki tagħhom, imexxu ’l quddiem is-sħubiji u jappoġġjaw miżuri politiċi u operazzjonali ħalli jinħoloq orizzont ġdid li jsejjes il-koperazzjoni bejn il-popli Mediterranji fuq valuri komuni.
Il-Forum ser jippreżenta d-djalogu interkulturali bħala dik l-għodda ċentrali li tibni din il-koperazzjoni u bħala l-qofol tat-tweġiba għall-isfidi soċjo-kulturali tar-reġjun. It-temi ewlenin tad-diskussjoni ser ikunu d-djalogu interkulturali li jġib il-fehim bejn kulturi differenti, in-nisa fid-djalogu, ġejjieni iżjed sostenibbli b’iżjed opportunitajiet għaż-żgħażagħ u b’iżjed interazzjoni u skambji mal-Mediterran kollu.
Bejn Jannar 2017 u Ġunju 2017 il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew ser toħloq pjattaforma unika sabiex id-Djalogu fil-Mediterran jitpoġġa fil-quċċata tal-aġenda politika tal-UE u tal-Euromed. Għaldaqstant l-organizzazzjoni tal-Forum f’pajjiżna tirrappreżenta opportunità li tkompli tibni fuq il-qagħda strateġika ta’ Malta bħala post li jlaqqa’ u jqarreb u okkażjoni li ssaħħaħ l-approċċ tad-djalogu interkulturali.