Il-ħames edizzjoni tal-Bruno Schulz Festival (BSF) ser issir fi Wrocław, il-Polonja, bejn l-10 u s-16 ta’ Ottubru 2016. L-edizzjoni ta’ din is-sena tagħmel parti mill-Kapitali Kulturali Ewropea u mill-programm letterarju tal-UNESCO World Book Capital Wrocław 2016. Il-Festival issa ilu tliet snin jappoġġa l-ANGELUS Central European Literary Award.
Bruno Schulz kien kittieb, pittur u għalliem tat-tpinġija u x-xogħol tal-idejn. Illum huwa wieħed mill-iktar kittieba Pollakki moqrija, tradotti, ikkummentati u adattati fid-dinja. Schulz huwa simbolu tal-istorja drammatika tan-nazzjon Lhudi ġaladarba kien tabilħaqq vittma tal-olakawstu – l-iżjed episodju drammatiku fl-istorja tal-Ewropa u tan-nazzjon Lhudi. Kien proprju dan li wassal għad-deċiżjoni li l-figura padruna ta’ “Bruni Schulz” tkun is-simbolu ċikliku ewlieni ta’ dan il-festival letterarju-artistiku.
Matul l-edizzjoni ta’ din is-sena Olga Tokarczuk ser ikollha taħdita ma’ Martin Pollack. Ser niltaqgħu wkoll mar-rebbieħ tal-premju Angelus tas-sena li għaddiet Serhij Żadan u l-grupp mużikali tiegħu Sobaki w kosmosie. Barra dan, Wojciech Pszoniak ser ifakkarna f’Tadeusz Różewicz. Michał Nogaś ser jitkellem ma’ Zbigniej Mentzel filwaqt li fost oħrajn Paweł Huelle u Robert Makłowicz ser jerġgħu jġibulna fil-memorja lil Joseph Roth. Ireneusz Kania, Marek Bieńczyk u Nicolas Cavailles ser jiddiskutu dwar Emil Cioran.
Il-festival ser jinkludi wkoll sessjoni xjentifika. L-edizzjoni ta’ din is-sena ser tkun eċċezzjonali għax ser tkun iddedikata lill-poeta Stanisław Barańczak fl-okkażjoni tas-sebgħin għeluq sninu. Il-mistednin ser jagħtu wkoll taħditiet għaż-żgħażagħ fl-iskejjel sekondarji u fil-kulleġġi ta’ Wrocław.
Fil-festival ser ikun hemm lok ukoll għal sessjonijiet ta’ poetry slam u għal logħba urbana. Id-dħul huwa b’xejn għall-avvenimenti kollha.
Għal iktar tagħrif żur is-sit elettroniku tal-festival.