Fl-avveniment li jmiss ta’ FRAGMENTA l-artist Aaron Bezzina ser jippreżenta oġġetti ġodda u stallazzjoni fuq il-post bl-isem Memento Mori: Hints Taken from Terror Management Theory.
Il-punt tat-tluq tax-xogħlijiet kollha li ser jippreżenta Bezzina ser ikun it-Terror Management Theory (TMT) – teorija msejsa fuq l-idea li l-kultura u l-arti kapaċi jagħtu tifsira f’dinja insigura billi jkunu manifestazzjoni tat-tħassib dwar il-mortalità tagħna.
Aaron Bezzina (t. 1991) kiseb Baċellerat fl-Arti bl-unuri mill-MCAST Institute of Art & Design fl-2004 u għadu kif lesta MFA fl-Arti Diġitali fil-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien tal-Università ta’ Malta. F’dawn l-aħħar snin Bezzina esebixxa x-xogħol tiegħu kemm f’Malta u kemm barra l-pajjiż u fl-2015 ingħata residenza mill-Bank Ewropew għall-Investiment tal-Lussemburgu. Minkejja li x-xogħol tiegħu għandu t-tendenza li jxaqleb lejn l-iskultura, Bezzina interessat ukoll f’midja oħra li tħeġġeġ għemejjel li jipprovdu tifsira u azzjonijiet oħra simili.
L-esebizzjoni ser issir fit-23 ta’ Ottubru fit-Torri tal-Mellieħa bejn is-14.00 u s-18.00. Bħas-soltu dan l-avveniment ta’ FRAGMENTA ser ikun miftuħ għall-pubbliku kollu b’xejn.
L-inizjattiva FRAGMENTA tgawdi l-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 filwaqt li dan l-avveniment sar possibbli bis-saħħa tal-għajnuna tal-Gaia Foundation Malta.