Il-proġett huwa parti minn sensiela ta’ avvenimenti u inizjattivi li ARC qed taħdem fuqhom flimkien mal-EuroMed Network Medinea Project (Mediterranean Incubator of Emerging Artists). Il-Medinea Project beda fl-2011 bil-koordinazzjoni tal-festival Franciż Festival d’Aix-en-Provence. Illum dan in-network jinkludi iktar minn għoxrin organizzazzjoni kulturali li joperaw fil-qasam tal-mużika u tal-performing arts, u li jaħdmu fuq proġetti ta’ skambji kulturali fuq livell internazzjonali. ARC ilu jirrappreżenta lil Malta fin-network tal-Medinea Project mill-2014. Il-Festival d’Aix-en-Provence – magħruf għall-opri li jtella’ u għall-kummissjonijiet ta’ xogħlijiet ġodda – huwa wieħed mill-iktar festivals prestiġjużi fil-qasam kulturali Ewropew.
Il-proġett The Mediterranean Dimension jinkludi diversi avvenimenti li se jiġu organizzati f-Malta bejn l-2017 u l-2019. Fost dawn hemm residenzi u workshops interkulturali, kunċerti u performances, reklutaġġ għal attivitajiet varji fil-Festival d’Aix-en-Provence, u proġetti ta’ riċerka relatati mal-avvenimenti fi ħdan il-proġett.