Discover Valletta tieħu lill-dawn l-istudenti fuq vjaġġ li bih jistgħu jimirħu fl-istorja affaxxinanti tal-Belt. Dan il-proġett joħloq serje ta’ narrattivi qosra fuq nies u postijiet li huma marbutin mal-belt kapitali, li jistgħu jisimgħu aktar dwarhom permezz ta’ awdjo fuq MP3 plejers li se jitqassmu fl-iskejjel. Kull pakkett ta’ Discover Valletta jikkonsisti minn MP3 plejer, li fih hemm 24 biċċiet ta’ awdjo disponibbli f’żewġ lingwi u li jitkellmu fuq l-istorja ta’ 24 post fil-belt, kif ukoll numru ta’ flashcards b’informazzjoni edukattiva u divertenti dwar kull post. Il-mappa tal-Belt Valletta li tgħaqqad post ma’ ieħor, flimkien mal-awdjo, se jkunu ukoll inklużi fil-pakkett ta’ Discover Valletta.
Miktubin minn Trevor Zahra, dawn l-istejjer iħeġġu lill-istudenti u l-għalliema tagħhom biex jiskopru elementi ġodda fil-Belt Valletta u jistednuhom jerġgħu jikkunsidraw il-leġġendi u ħrejjef dwar il-belt minn lat ieħor. L-istudenti jkunu jistgħu jżommu dan il-pakkett, biex ikunu jistgħu jerġgħu jżuru lill-belt kapitali u jħeġġu lill-familjari tagħhom biex jesperjenzaw il-Belt b’mod differenti.