Leanne Ellul tgħidilna ftit dwar iż-żewġ films magħżula għall-proġett Poetry on Film 2017.
Kafè. Kollox jibda mill-kafè. U poeżiji, karti, films, diskussjonijiet, proposti, marki u riżultati. Din is-sena hemm ukoll microwave, LP, tebgħa ta’ tazza te, magna tal-ħasil u mara tagħmel xagħarha. Ir-raba’ edizzjoni ta’ Poetry on Film qabdet ir-ritmu u diġà għexet il-Belt, Tas-Sliema u r-Rabat. Fit-18 ta’ Frar kellna seminar organizzat ġewwa t-Teatru Salesjan, u xahar wara ltqajna mal-applikanti ġewwa Studio Solipsis.
Il-poeżiji ta’ Maria Grech Ganado u Victor Fenech magħżula mill-konsulent letterarju tal-proġett offrew sfida lil min xtaq li jaħdem film dwarhom. B’kollox daħlu disa’ applikazzjonijiet, u wara li flejniehom (u xrobna naqra iktar kafè), iddiskutejniehom u, wasalna għal deċiżjoni.
Din is-sena ż-żewġ films tal-poeżija se jinħadmu minn Trevor Borg, u Lyanne Mifsud u Nicky Aquilina. Trevor Borg se jkun qed jaħdem Fuq Għoljiet Dingli ta’ Victor Fenech, u Lyanne Mifsud u Nicky Aquilina se jaħdmu fuq Relazzjoni ta’ Maria Grech Ganado (li minnha sraqt it-titlu tal-artiklu).
Iż-żewġ films ipoġġu l-poeżija fil-qalba tal-film. Trevor Borg jipproponi li l-poeżija ssir film. Kull vers tal-poeżija għandu jakkumula żmien u distanza. Il-poeta nnifsu se jkun fil-film, jimxi, ġewwa Ħad-Dingli. U ma’ kull pass li jagħmel tinkixef ftit ieħor poeżija. Lyanne Mifsud u Nicky Aquilina se jaħdmu fuq interpretazzjoni viżiva tal-poeżija ta’ Ganado billi jaqbdu l-ħajja ta’ kuljum, il-burdata u t-temperament li jwasslu għal dekadenza. B’ċirku bħala l-forma dominanti, dan il-film iwiegħed esperjenza viżiva li terġa’ twassalna sal-punt li tlaqna minnu. Għall-ewwel darba.
Dawn iż-żewġ films se jidhru għall-ewwel darba waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta ġewwa l-Forti Sant’ Iermu bejn l-24 u s-26 t’Awwissu.
Poetry on Film huwa proġett imtella’ mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bi sħab ma’ Inizjamed.