1 Introduzzjoni
Il-Fond Roberto Cimetta u l-Fondazzjoni Valletta 2018, responsabbli għall-implimentazzjoni tat-titlu tal-Belt Valletta Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 qegħdin jikkollaboraw fuq inizjattiva għat-titjib u t-tkattir tal-mobilità tal-artisti fir-reġjun ġeografiku Għarbi-Ewropew.
Din l-inizjattiva se twassal għal serje ta’ sejħiet miftuħa biex tingħata l-għajnuna għall-ivvjaġġar mill-2015 sal-2018; l-artisti u l-operaturi kulturali li jgħixu u jaħdmu fir-reġjun Għarbi-Ewropew li jixtiequ jaħdmu fuq proġetti kollaborattivi li jissodisfaw il-kriterji t’hawn taħt huma mitluba li japplikaw.
Kemm il-Fond Roberto Cimetta kif ukoll Valletta 2018 jagħrfu kemm hu essenzjali l-ħelsien tal-mobilità għall-iżvilupp tal-arti u jappoġġjaw bis-sħiħ id-dritt tal-artist li jivvjaġġa b’mod ħieles. Fil-kuntest tat-titlu tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018, fejn il-Belt Valletta tinsab f’salib it-toroq kemm fiżikament kif ukoll kulturalment u hija l-punt ta’ tlaqqigħ fiċ-ċentru tal-Mediterran, dan il-fond għandu l-għan li jgħin il-mobilità, il-komunikazzjoni u l-iskambju bejn il-kulturi diversi u li jikkontribwixxi għall-partiċipazzjoni lokali tal-komunità fl-arti fil-kuntest usa’ taż-żona Għarbija-Ewropea.
L-tieni sejħa miftuħa se tkun miftuħa mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Ġunju 2017; il-fondi se japplikaw għal serje ta’ sejħiet sa Diċembru 2018.
L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru bil-Malti, bl-Għarbi, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.
2 Kriterji Ġenerali tal-Fond Roberto Cimetta:
Il-kriterji ġenerali li ġejjin japplikaw għall-fondi:
- L-għan tal-vjaġġ għandu juri l-potenzjal għal impatt kostruttiv u fit-tul fuq is-settur tal-arti f’kuntest konkret u lokalizzat fir-reġjun Euro-Mediterran;
- Dan ifisser li l-vjaġġ irid jikkontribwixxi għall-iżvilupp professjonali tal-applikant li, min-naħa l-oħra, irid jinqasam ma’ ħaddieħor fis-sens ta’ netwerking li jkun ta’ benefiċċju għat-tiġjib flimkien tal-artisti u l-operaturi fil-pajjiż jew reġjun tal-applikant innifsu u b’hekk tiġi miżmuma, imġedda u żviluppata l-prattika tal-arti kontemporanja;
iii. Il-vjaġġ jista’ jsir hekk kif tinfetaħ is-sejħa iżda f’dan il-każ l-applikant ikun qed jirriskja li jħallas għall-vjaġġ mingħajr garanzija li l-applikazzjoni tiegħu se tgħaddi;
- Ma japplika l-ebda kriterju ta’ nazzjonalità jew età għall-fondi; madankollu l-applikant irid ikun jgħix jew jaħdem fir-reġjun ġeografiku Għarbi-Ewropew;
- Il-professjoni tal-applikant trid tkun waħda minn dawn li ġejjin; amministratur fil-qasam kulturali, artist, kreatur, organizzatur kulturali, artist performattiv, mexxej ta’ proġett fil-qasam kulturali, jew għalliem;
- Is-sejħa għandha l-għan li tagħti appoġġ finanzjarju lill-applikanti li m’għandhomx riżorsi finanzjarji biex isostnu l-mobilità li għaliha qed jitolbu l-għajnuna;
vii. L-applikazzjonijiet għandhom isiru minn individwi u mhux minn organizzazzjonijiet. Tliet membri biss minn grupp wieħed jistgħu japplikaw għall-għajnuna għall-istess proġett;
viii. Il-fondi jingħataw mhux iktar minn tliet darbiet b’kollox lill-istess individwu;
- L-applikanti għandhom jagħżlu l-irħas mezz ta’ trasport u jistgħu japplikaw biss għal biljett internazzjonali tar-ritorn wieħed kif ukoll għall-ispejjeż tal-visa skont l-applikazzjoni;
- It-trasport lokali, il-per diem u l-akkomodazzjoni mhumiex koperti mill-fondi.
- Meta jintgħażel, il-benefiċjarju għandu jinforma lill Fondazzjoni Valletta 2018 minn tal-anqas xagħar qabel ma jasal fil-post billi jibgħat e-mail fuq [email protected]bl-informazzjani ta’ kuntatt relevanti u d-dettalji tal-proġett. Il-benefiċjarju għandu jagħmel lilu nnifsu disponibli waqt ir-residenza tiegħu f’Malta biex jitkellem ma’ ġurnalisti, f’każ li jkunn hemm talba mill-Fondazzjoni.
xii. Il-Fondazzjoni Valletta 2018 titlob lill-benefiċjarju biex jibgħat 5 sa 10 ritratti ta’ kwalità għolja fi żmien 3 ġimgħat minn meta jerġa lura f’pajjiżu. Ir-ritratti, li jistgħu jintużaw mill-Fondazzjoni għal raġunijiet ta’ pubbliċità, iridu ikunu ħielsa mir-restrizzjonijiet tal-copyrightu/jew licensing.
3 Kriterji speċifiċi ta’ Valletta 2018
Il-kriterji speċifiċi li ġejjin japplikaw għall-fondi:
i) L-applikazzjoni għall-mobilità għandha tindirizza direttament waħda mill-erba’ temi tal-Programm Kuturali għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura ta’ Valletta 2018. Dawn huma, Ġenerazzjonijiet, Gżejjer, Rotot u Bliet (Generations, Islands, Routes and Cities) kif deskritt hawn taħt.
ii) L-applikanti għandhom ikunu qed
a. Jgħixu jew jaħdmu f’Malta, u jiżviluppaw programmi li huma speċifiċi għar-Reġjun Għarbi-Ewropew;
b. Jgħixu jew jaħdmu fl-Ewropa u/jew f’Reġjun Mediterranju, u jixtiequ jiġu Malta biex jagħmlu intervent artistiku fil-kuntest Għarbi-Ewropew usa’;
ċ. Jgħixu jew jaħdmu fl-Ewropa u/jew f’Reġjun Għarbi u jixtiequ jmorru fir-reġjun Għarbi-Ewropew għal xogħol kollaborattiv speċifiku għall-kuntest ta’ Malta f’dak ir-reġjun (ngħidu aħna, vjaġġ lejn pajjiż tat-tielet dinja biex issir kollaborazzjoni fuq proġett li għandu rabta tanġibbli ma’ Malta jew ma’ artist Malti).
4 L-iskeda
Is-sejħa miftuħa se topera abbażi ta’ trimestru fejn l-applikazzjonijiet se jiġu riveduti kull tliet xhur. L-applikanti jiġu avżati bir-riżultati tal-applikazzjonijiet tagħhom mhux iktar tard minn xahrejn wara l-għeluq tas-sejħa rispettiva.
Per eżempju, l-ewwel sejħa se tiftaħ fl-1 ta’ Marzu 2017 u se tibqa’ miftuħa sal-31 ta’ Marzu 2017. L-applikanti se jiġu avżati bir-riżultati ta’ din is-sejħa sal-1 ta’ Ġunju 2017. Fl-istess ħin, it-tieni rawnd tas-sejħa se jiftaħ fl-1 ta’ Ġunju 2017 u tibqa’ miftuħa sal-30 ta’ Ġunju 2017. Ir-riżultati se jitħabbru f’Settembru.
Il-fondi li ma jkunux intużaw wara r-riżultati ta’ rawnd wieħed tas-sejħa jgħaddu għar-rawnd li jmiss, madankollu l-fondi ma jgħaddux minn sena għal sena.
5 Amministrazzjoni u evalwazzjoni
Is-sejħa tkun amministrata mill-Fond Roberto Cimetta, madankollu l-evalwazzjoni titwettaq kemm mill-Fond u kemm mill-Fondazzjoni Valletta 2018.
Il-fondi jiġu rilaxxati lill-applikanti li jiġu magħżula wara li jkunu vvjaġġaw u ppreżentaw evidenza tal-vjaġġ tagħhom kif ukoll rapport bil-miktub.
6 Ir-regoli
Ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-fondi:
Id-deċiżjoni tal-bord tal-evalwazzjoni għandha tkun finali;
i) Il-Fond Roberto Cimetta u l-Fondazzjoni Valletta 2018 jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw l-applikazzjonijiet imressqa jekk il-kwalità tal-applikazzjonijiet ma tidhirx li hija għolja biżżejjed;
ii) Id-dati fl-iskeda jridu jiġu rrispettati bis-sħiħ; in-nuqqas ta’ dan jista’ jwassal għal skwalifika.
7 Iktar informazzjoni
Iktar dettalji dwar is-sejħa jinsabu hawn www.cimettafund.org u hawn www.valletta2018.org.
Il-Belt Valletta ma tistax tkun rappreżentazzjoni tal-imgħoddi tagħha. Meta tingħata s-setgħa lill-ġenerazzjonijiet preżenti tal-Belt Valletta jkun qed jingħata wkoll futur lilha u lil Malta kollha. Bl-involviment tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, Valletta 2018 tkun qed toħloq wirt li hu aktarx l-ikbar u l-iktar wieħed dejjiemi għaliha bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura: dak li tagħti lil uliedna u liż-żgħażagħ tagħna għodda siewja biex jgħixu ħajja ta’ inklużjoni u sodisfazzjon billi jkunu atturi diretti f’attivitajiet ta’ rikkezza kulturali. Permezz tal-interazzjoni, il-logħob, l-immaġinazzjoni u l-passjoni, Valletta 2018 tinkludi l-ġenerazzjonijiet u s-sezzjonijiet kollha tal-Komunità fil-Programm Kulturali tagħha.
STEJJER GŻIRA
Jiġifieri ħajja fuq gżira, kif tkun? Ngħidu aħna, tista’ ssuq Malta u Għawdex kollha f’nhar wieħed mingħajr ma tara l-imkejjen u l-irkejjen kollha. Ħarsa mill-qrib lejn il-ħajja fuq il-gżira trodd narrattivi diversi li jinteraġixxu flimkien; mhux bojod jew suwed, imma griżi.
Min-naħa l-oħra, nisimgħu li Malta żgħira, storbjuża, emottiva. F’Malta ma tistax teħles mill-ħarsa tal-ġara u kif ddur il-kantuniera biex forsi teħles minnha, issib lil xi ħadd jiġi minnek, daqqa b’aħbar tajba tal-jum ta’ qabel u daqqiet oħra b’aħbar ħażina ta’ xhur ’il bogħod. Fuq gżira bħal Malta, it-teatru tat-triq mimli ħajja – teatru b’doża ta’ kummiedja traġika li diffiċli tirreżistiha. Min-naħa l-oħra, hemm il-Malta mimlija nies u mimlija bini. Hija waħda mill-iktar gżejjer maħnuqa bin-nies – fattur ieħor li jtella’ fil-wiċċ kwistjonijiet bħal spazji vojta li m’għandhomx użu u postijiet li ma jifilħux għal iżjed nies.
Mistoqsija li dejjem titla’ fil-wiċċ hi: kif se nesploraw aħjar in-narrattivi li jiżviluppaw f’Malta u Għawdex u ngħaqqduhom flimkien? Bla dubju, l-ispazji tal-komunità u l-immaġni tal-baħar miftuħ jilagħbu rwol importanti fil-vjaġġ lejn is-sejba ta’ soluzzjonijiet aħjar – għax meta l-ispazji privati ma ssibhomx f’ħakka t’għajn, il-Maltin iduru lejn l-ispazji tal-komunità għall-kumpanija, u lejn il-baħar biex jieħdu nifs ġdid.
In-narrattivi li l-istejjer tal-gżejjer ifittxu li jtellgħu fil-wiċċ huma immaġni ħajja u bla konfini ta’ żmien u ħin. Ir-realtajiet, il-komunitajiet u l-ispazji li jużaw jistgħu jiġu mħaddma biex jinħoloq materjal ġdid, kif jistgħu jitwieldu wkoll spazji ġodda li fihom wieħed jista’ japprezza t-tradizzjoni.
BAROKK FUTUR
Il-Barokk Futur huwa mod ta’ għajxien. Extravaganza. Teatriċità. Ritmu ta’ kuljum. Kulur. Tiżjin. Eseġerazzjonijiet. Movimenti. L-ispettaklu huwa l-filosofija ċentrali tal-Barokk Futur.
Il-belt kapitali tagħna, bil-qalba Barokka, tlibbset stili diversi matul is-snin, u hija l-isfond li jgħid stejjer ħajja fuq l-istorja u l-kultura tagħna.
Malta tal-lum titkellem il-lingwa tal-Barokk b’vuċi għolja daqs l-arkitettura tagħha. Illum il-komunitajiet jingaġġaw mat-tessut tal-belt hi u tiżviluppa u tinħaseb mill-ġdid matul iż-żmien. Il-Belt hekk issir palk li fuqu l-ħajja u l-ideat jevolvu kontinwament, joqogħdu, jiżviluppaw u jiffurmaw lilhom infushom mill-ġdid.
Il-Barokk Futur jaqbad fih spiritwalità sospiża xi mkien bejn it-tradizzjonali u l-kontemporanju. L-isfond tal-Belt hu mogħni bil-bżonn tar-ritwal; l-ornamenti mlewna, il-pavaljuni fit-toroq għall-karnival jew il-festi tal-kapitali li jiftaħru b’rikkezza liema bħalha, imma wkoll joħolqu sensiela ta’ ħsejjes improvizzati li jpaxxu ’l widnejn. Wara ċ-ċekċik taċ-ċrieket u ċ-ċpiepet u t-tpaqpiq tal-karozzi, wara l-ispeakers iridu jinfaqgħu u l-kantaliena ta’ talb li jimlew it-toroq, hemm moħbija l-inklinazzjoni tagħna li nagħmlu ħoss. Imma lil hinn minn dan, hemm bżonn ġdid li dejjem jikber mżewweġ mas-sens antik ta’ spettaklu – il-bżonn li nsemmgħu leħinna fuq il-ħamba tal-belt.
VJAĠĠI
Bis-saħħa tal-portijiet għall-portijiet, il-Belt minn dejjem kienet il-qalba ta’ taħlit kulturali. Il-wirt antik ta’ Malta, l-għeruq Għarab id f’id mal-passat u l-preżent Ewropew, il-pożizzjoni ġeografika strateġika li tpoġġi lil Malta bejn l-Ewropa u l-Afrika, jittraduċu ruħhom f’belt kapitali unika – spazju li kapaċi jospita inkontri sinjura mal-ġirien tiegħu u jħeġġeġ inkontri bejn il-ġirien infushom, ġewwa l-Mediterran u lil hinn.
Il-kapitali tagħna mhix aljena għall-kunflitti u r-resistenza: il-Belt Valletta hija belt imdawra bis-swar, mibnija biex tilqa’ għall-attakki u biex tiċċelebra r-rebħiet fi ħdanhom. Anke llum, il-belt imqiegħda fil-qalba ta’ kuntest globali usa’ li hu mmarkat minn instabbiltà politika li qiegħda tikber, u li ġġibna wiċċ imb wiċċ mal-vjolenza, l-eżilju u l-immigrazzjoni.
Valletta 2018 hija opportunità biex niċċelebraw il-ħajja u l-kreattività fil-kapitali filwaqt li nmantnu djalogu vitali; tipprovdi spazju fejn jiġu sfidati perspettivi dominanti, u testendi id ta’ ħbiberija lill-artisti kollha li jaħdmu taħt theddida. Huwa san li komunità tkun miftuħa għal diversi kulturi, u waqt li nkomplu naħdmu biex noħolqu sens ta’ appartenenza ġdid fi żmien ta’ diversità kulturali, għandna wkoll is-saħħa li nagħtu pjattaforma għall-espressjoni lil diversi komunitajiet u l-kuntatti neċessarji biex jiġu appoġġjati skambji ta’ valur.