Il-Kumitat tal-Ġappun EU-JAPAN Fest jippromwovi wkoll l-iskambju kulturali fi proġetti li diġa bbenefikaw mill-appoġġ tal-Kumitat. Fl-2018, il-Programm Kulturali tagħna se jospita diversi sħubijiet mal-EU-Japan Fest li jgħaqqdu prattiċi tradizzjonali mal-arti kontemporanja u d-disinn, filwaqt li jistabbilixxi wkoll netwerks kreattivi u professjonali b’saħħithom bejn il-komunitajiet Ġappuniżi u Ewropej.
Tetsuo Kondo Architects ingħaqdu flimkien mat-tim tal-arkitettura tad-Direttorat tar-Restawr biex jiżviluppaw il-kunċett u d-disinn tal-ġnien ta’ fuq il-bejt fil-bini l-ġdid tal-Valletta Design Cluster. Ir-restawr, li se jsir fis-sit tal-Biċċerija l-Qadima fil-Belt Valletta, jifforma parti minn inizjattiva akbar immexxija minn Valletta 2018, li hija ddedikata għar-rijabilitazzjoni tas-sit f’ċentru tal-industriji kreattivi kompletament funzjonali sal-2019. Il-Kumitat EU-Japan Fest huwa involut ukoll fi proġetti li jesperimentaw b’forom u temi tradizzjonali b’modi kontemporanji.
B’inspirazzjoni mill-esibizzjoni ewlenija mifruxa fuq bosta siti ta’ Valletta 2018, Dal-Baħar Madwarha, il-Valletta Design Cluster qed jikkollabora ma’ Atelier Omoya biex iwassal installazzjoni intitolata ‘Book in the Sea’ lejn il-Port il-Kbir. Dan ix-xogħol tal-arti ta’ Glen Calleja jiġbor tim ta’ disinjaturi internazzjonali biex jimplimentaw teknoloġija innovattiva ddisinjata biex jinħoloq test bil-Malti bl-użu ta’ bżieżaq taħt l-ilma.
Sadanittant, il-proġett ‘Tactile’ ta’ Jesmond Vassallo jinvestiga t-tekniki tal-istampar tradizzjonali Ġappuniżi u l-mod kif persuni neqsin mid-dawl jinterpretaw l-arti, filwaqt li Modern Music Days jikkollabora mill-qrib ma’ kompożituri kontemporanji Ġappuniżi. Bosta esibizzjonijiet u attivitajiet li jinvolvu artisti Maltin, Ġappuniżi u oħrajn internazzjonali se jsiru fl-2018. It-Tmiem il-Ġimgħa EU-Japan Fest li ġej iżid mad-dimensjoni internazzjonali ta’ Valletta 2018 billi jappoġġja diversi attivitajiet li jiċċelebraw il-kollaborazzjoni bejn id-dixxiplini u l-komunitajiet.