Shifting Contexts se tinkoraġġixxi lil artisti żgħażagħ biex jużaw it-tema magħżula ta’ “shifting contexts” fi ħdan il-varji stadji tal-ħajja u litteralment jitilqu jiġru biha, u jeħduha lil hinn lejn territorji mhux mistennija.
Il-kreattività teħtieġ li tara affarijiet familjari minn perspettiva kompletament ġdida u Shifting Contexts se tinkoraġġixxi u ssostni dan l-approċċ. Artisti parteċipanti għandhom juru kif irrispondew għat-tema billi jċaqilquha f’kuntest oriġinali biex jiġġeneraw tifsiriet ġodda li jippermettu li joħorġu aktar interpretazzjonijiet.
Shifting Contexts tippromwovi viżjoni kondiviża għall-futur taż-żgħażagħ skont il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ – lejn 2020, li tikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika kif previst fid-dikjarazzjoni tal-missjoni ta’ Valletta 2018 u b’mod kollettiv twassal għall-formazzjoni ta’ komunitajiet vitali u dinamiċi għall-futur.
Il-wirja se tittella’ mill-Ħamis 4 ta’ Ottubru sal-Ħadd 4 ta’ Novembru 2018 fi Spazju Kreattiv.