L-interess f’Tikka Banda ilu jiżdied sa minn meta niedew b’suċċess l-inizjattiva #barralklassi. Issa, jmiss #ġaħan18 fejn it-tfal u ż-żgħażagħ se jkunu mistiedna biex jieħdu sehem f’għadd ta’ prestazzjonijiet li se jkunu qed isiru f’diversi lokalitajiet f’Malta, fosthom fil-Baċir ta’ Bormla u fil-Mellieħa. Flimkien mal-persunaġġ ewlieni ta’ dan l-ispettakklu – il-karattru tradizzjonali u folkloristiku Malti ta’ Ġaħan – it-tfal tal-iskola huma mħeġġa biex jakkumpanjaw lil Tikka Banda fi vjaġġ kulturali biex jiskopru l-wirt mużikali ta’ 22 pajjiż Għarbi.
Qabel l-ispettaklu, Tikka Banda se żżur ukoll ’l dawk l-iskejjel li se jkunu qed jieħdu sehem biex tmexxi workshops dwar kif isiru strumenti mużikali minn materjal riċiklat, ħalli mbagħad jintużaw fl-attività Niftħu l-Bieb ma’ Ġaħan.