Il-programm mużikali ta’ Valletta 2018 ser jospita taħlita mużikali mlewna mill-Burhan Öçal’s Bosphorus Quartet. Öçal huwa multi-strumentalista b’fama internazzjonali u mistieden regolari f’bosta festivals maġġuri tal-jazz li ta diversi kunċerti mad-dinja kollha. L-għeruq tiegħu fil-mużika Anatoljana, Traka u Balkana jinsabu fil-qofol tal-missjoni tiegħu li jgħaqqad flimkien ġeneri u tradizzjonijiet kulturali differenti – xi ħaġa li tħajjar iwettaq wara li skopra l-mużika tal-Punent.
Flimkien mal-Bosphorus Quartet, Öçal ser iwassal mużika b’togħma tipika Mediterranja. Għal Valletta 2018, il-Burhan Öçal’s Bosphorus Quartet ser jippreżenta kompożizzjonijiet Torok kontemporanji u taħlita ta’ siltiet internazzjonali adattati apposta għall-okkażjoni fit-13 ta’ Lulju 2018 fir-raħal pittoresk tal-Mellieħa. Matul is-serata se tittella’ wkoll rappreżentazzjoni mill-mużiċist Malti Chris Tanti, wieħed mill-gitarristi ewlenin tal-fingerstyle fil-gżira, li se jdoqq is-set tal-bidu.