It-tema magħżula għall-Malta International Fireworks Festival din is-sena tirrifletti l-fatt li għalkemm l-ispettaklu tan-nar sar appuntament annwali fil-kalendarju tal-avvenimenti fi gżiritna, din is-sena se jsir b’differenza.
Din hija s-sbatax-il edizzjoni ta’ dan il-festival. Il-ftuħ se jsir nhar is-Sibt, 21 ta’ April fix-Xewkija, segwit minn spettaklu ieħor nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ April f’Marsaxlokk, u serata finali fil-Port il-Kbir nhar it-Tnejn, 30 ta’ April. Id-differenza minn snin preċedenti hija li mhux se jkun biss spettaklu ta’ nar, iżda se jkunu inklużi elementi kulturali u tradizzjonali assoċjati ma’ festa tipika Maltija.
Infatti, l-ewwel serata f’Għawdex se tattira bosta għat-tjubija tal-ikel u xorb tradizzjonali Malti. Fl-avvenimenti ta’ Marsaxlokk se jispikkaw il-festuni, kuluri u daqq tal-banda tal-Madonna ta’ Pompei. Is-serata finali fil-Port il-Kbir se tinkludi nar sinkronizzat ma’ kant u mużika orkestrali live li se jkun qed jindaqq minn fuq pjattaforma fuq il-baħar; kunċett ġdid għal pajjiżna.
Dan kollu jikkumplimenta l-fatt li l-Belt Valletta din is-sena hija l-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura. Wara kollox, il-logħob tan-nar u l-imħabba lejhom huma magħġuna sew fil-karattru u l-kultura Maltija.
Din l-attività hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.