Il-Beltin Kontemporanji
Illum, nies minn oqsma differenti jsejħu lill-Belt ‘id-dar’. Dawn huma l-Beltin il-ġodda, dawk li huma mill-Belt. Il-Belt Valletta malajr saret iċ-ċentru kulturali tal-gżejjer Maltin, b’diversi galleriji tal-arti u mużewijiet b’wirjiet regolari. Dan it-tisħiħ tal-pajsaġġ kulturali tal-Belt wassal għal influss ta’ artisti lejn il-Belt, li daħħlu spirtu Boemjan. Illum, għan-nies li jaħdmu fl-oqsma tal-arti, il-Belt hija l-post ideali.
Strada Stretta, jew kif kienet magħrufa fi żmienha, The Gut, ukoll ħajret lis-sidien tan-negozji biex jiftħu stabbilimenti fil-kapitali. Fi żmienha, din it-triq qanqlet numru ta’ nies, b’wegħdiet ta’ pjaċiri fis-swali tal-mużika, bars u guesthouses. Għal darb’ oħra, din it-triq reġgħet ingħatat il-ħajja b’ristoranti li joffru ikel bnin, bars vivaċi bi klijenti ferrieħa u wine bars għall-kwiet, perfetti għal lejla romantika jew biex taqsam platt mal-ħbieb.
Madankollu, bars u ristoranti mhumiex l-unika affarijiet li din il-belt sabiħa għandha x’toffri. Il-Belt Valletta tipprovdi lir-residenti tagħha u lil dawk li jżuruha forom oħra ta’ divertiment, bħaċ-ċinema li qiegħda fl-Embassy Shopping Complex; żewġ teatri, it-Teatru Manoel u Pjazza Teatru Rjal; Dar il-Mediterran għall-Konferenzi; kif ukoll mużika live fit-toroq tal-Belt. Il-Kavallier ta’ San Ġakbu ukoll jinsab f’din il-belt fortifikata. Fl-iSpazzju Kreattiv ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu dejjem hemm xi ħaġa għaddejja – sew jekk reċta, taħdita pubblika jew wirja tal-arti.
Għalhekk, it-tiġdid tal-Belt Valletta qed jirriġenera l-popolazzjoni residenti fl-isfond soċjali, kulturali u ekonomiku, u b’hekk jagħmilha belt verament raffinata. Għalkemm bil-mod, ċertament li l-Belt qed issir il-qalba kosmopolita tal-gżejjer Maltin, iżżomm it-tradizzjoni lokali filwaqt li tilqa’ u tħaddan abitanti ġodda.
Il-Belt Valletta – Il-Qalba tax-Xena tal-Arti Viżiva f’Malta
Il-Belt Valletta qed tkompli tikber u titjieb, u bħala parti mit-tħejjija għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, trid tikber fil-kuntest kulturali, bħalma jindika t-titlu prestiġjuż. Biex dan iseħħ, ittieħdu diversi passi biex ikun żgur li l-Belt Valletta tipprovdi l-aħjar fil-qasam kulturali. Proġett ewlieni li għandu fil-qofol tiegħu dan l-avvanz kulturali, huwa l-proġett MUŻA, istituzzjoni ġdida fil-Berġa tal-Italja ddedikat lill-arti viżiva. L-isem MUŻA għandu effett doppju, għax huwa taqsira tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, filwaqt li jirreferi għall-mużi mitoloġiċi li spiraw l-arti u l-kreattività.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħadmet ukoll biex tippromwovi x-xena tal-arti viżiva fil-Belt, u kien għalhekk li flimkien mal-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Aġenzija Żgħażagħ laqgħat lil VIVA, il-Valletta Internatinal Visual Arts Festival. L-għan ta’ VIVA huwa li jġib bidla fil-kultura lokali billi jqanqal apprezzament tal-arti viżiva. Bidla bħal din toħloq diskussjoni u tagħti lok għall-kuntatti bejn kuraturi lokali u barranin, kif ukoll artisti lokali. Fost oħrajn, waqt VIVA ta’ din is-sena kien hemm xogħlijiet ta’ artisti magħrufa bħal Mieke Bal, Democracia, Austin Camilleri u JP Azzopardi.
Avvanzi bħal dawn għamlu lill-Belt Valletta l-qalba tax-xena tal-arti viżiva f’Malta u Għawdex.