Festa Qargħasel, attività kulinarja u kulturali, se tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali Mosta u se tittella’ fil-15 ta’ Settembru (7pm ‘il quddiem), fil-wesgħa ta’ ħdejn ir-Rotunda u fit-toroq tal-madwar, fejn ikun hemm diversi attrazzjonijiet għal dawk li jattendu. Fost dawn jkun hemm qari tal-bandu tal-ftuħ, għana, żfin tradizzjonali, rievokazzjoni ta’ tieġ Malti tal-passat, ktejjeb edukattiv tal-okkażjoni, banda, taħditiet, ikel u xorb, u aktar.
It-tradizzjoni tgħidilna li t-torta tal-qargħa ħamra kienet popolari ferm mal-Mostin u tmur lura snin kbar filwaqt li l-għasel hu mifhum li kien abbundanti fil-wied li jaqsam l-Mosta u li jġib ismu – Wied il-Għasel. Tradizzjoni antika issostni li ammont ta’ naħal kienu jipproduċu ammont kbir ta’ għasel fix-xehdi tagħhom li kienu jinsabu fil-blat, li f’ċertu żminijiet kien evidenti l-għasel iċarċar mal-blat.
Dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018.