Forsi huwa kemxejn sorpriż kif l-istejjer u l-ħrejjef ispiraw il-mużika-essenzjalment metodu kif tgħid l-istejjer mingħajr kliem-matul iż-żminijiet. Huwa permezz ta’ din l-idea li l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Grieg Michalis Economou, għażel li jaħdem fuq tlieta mill-aktar eżempji magħrufa ta’ din l-ispirazzjoni.
Romeo u Ġuljetta ta’ Tchaikovsky, rakkont sinfoniku tal-ħrafa eterna ta’ Shakespeare, dam jintlaqa’ b’indifferenza u kritika ħarxa sakemm sar wieħed mix-xogħlijiet ikoniċi tiegħu. It-tema famuża tagħha dwar “l-imħabba” issa saret universali-kważi cliche`-fil-films u t-TV. L-erojina leġġendarja ta’ Elf Lejl u Lejla nebbħet is-sinfonija strumentali ta’ Rimsky-Korsakov Scheherazade, li aktar tard kienet addattata għal biċċa bale` kontroversjali. Il-kompożitur kien strumentali f’li jgħin biex jinħoloq stil distint ta’ mużika Russa, li jinvolvi li wieħed iħares lejn il-lvant għal ispirazzjoni, u Scheherazade hija eżempju ċar tal-isforzi tiegħu.
Il-kunċert se jkollu wkoll kompożizzjoni mhux tas-soltu: kunċert għal akkordjin u orkestra. L-akkordjin huwa magħruf fil-mużika folk iżda rari jidher fil-mużika klassika.
L-akkordjinista mil-Latvja Ksenija Sidorova hija waħda mill-proponenti ewlenin tal-akkordjin bħala strument klassiku. Hija se tingħaqad mal-orkesta biex iddoqq il-Concerto Aconcagna tal-Kompożitur Arġentin Astor Piazzolla li nkiteb għall-bandoneon, il-konċertina li hija karatteristika tal-mużika tango, iżda naturalment hija aktar addattata għall-akkordjin versatili.
Dan il-kunċert huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018.