Data tal-għeluq: 5 ta’ April 2018

Valletta 2018 u l-kumpanija teatrali Azulteatro qegħdin joffru workshop b’xejn u l-opportunità għall-parteċipanti biex jieħdu sehem fir-rappreżentazzjoni b’sit speċifiku Sentieri li se ssir fil-Park tal-Majjistral, fil-programm ta’ Altofest Malta, fi ħdan il-Belt Valletta bħala Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

SENTIERI (http://www.azulteatro.com/sentieri/) huwa proġett multidixxiplinarju, li għandu l-għan li jwassal ħarsa innovattiva lejn ir-riċerka xenika. Joħloq rappreżentazzjoni oriġinali u unika għall-Park tal-Majjistral, li ġiet konċepita u kkreata għal dak il-post.

Il-proġett huwa mmexxi minn Serena Gatti u Raffaele Natale, fundaturi ta’ Azulteatro.

Azulteatro huwa post ta’ tlaqqigħ għal artisti ġejjin minn dixxiplini differenti: żfin, rappreżentazzjoni, mużika, arti viżiva. L-arti għalina hija sustanza ħajja, magħmula minn nifs, laħam, dehriet, stennija, splużjonijiet ħesrem. Aħna interessati fil-proċess tal-ħolqien, bħala mument ta’ riċerka, u r-rappreżentazzjoni bħala djalogu, filwaqt li jinqasam il-mument fraġli u intens tal-arti ħajja. Fost is-sinjali kollha, aħna nagħżlu l-iktar meħtieġa u onesti. Il-mużi tagħna huma l-istagħġib, il-letteratura, il-vjaġġ. Fit-tħaddin ta’ dan kollu jsib il-milja tiegħu Azul.

www.azulteatro.com

Informazzjoni

Il-workshop huwa miftuħ għal:

  • Professjonisti, studenti u dilettanti tat-teatru, żfin u arti performattiva
  • Artisti professjonali: performers, żeffiena, mużiċisti, kantanti
  • Disinjatur tal-kostumi, disinjatur tas-sett
  • Assistent direttur

Il-parteċipanti se jkunu involuti f’riċerka, esperimentazzjoni u perjodu ta’ kreazzjoni mid-9 sad-19 ta’ April, li jwasslu għar-rappreżentazzjoni fl-20, fil-21 u fit-22 ta’ April. Kemm il-proċess li jwassal għall-ħolqien, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni se jsiru fil-miftuħ fil-Park tal-Majjistral.

Il-parteċipanti għandhom ikunu fiżikament u mentalment f’saħħithom minħabba li “l-istage” huwa parti kbira mill-park. Għandu jkollhom il-pjaċir jagħmlu l-provi fuq barra għal ħafna sigħat kuljum (irrelevanti l-kundizzjonijiet tat-temp). Għandhom ikunu kapaċi jadattaw malajr għall-proċess kontinwu, kif ukoll ir-rispett lejn l-ambjent naturali li se nkunu qed naħdmu miegħu. Il-parteċipanti għandhom ikunu disponibbli waqt il-ħin tal-provi u għar-rappreżentazzjonijiet kollha. Dan huwa proġett full-time, se nieħdu vantaġġ mill-ġimagħtejn li għandna flimkien biex naħdmu fil-ġranet kollha (mingħajr waqfiet) minn tard filgħodu sa nżul ix-xemx. Ir-rappreżentazzjoni tkun skedata u ddum siegħa. L-iskeda eżatta tal-provi tingħata lil dawk li jintgħażlu.

M’hemmx spejjeż biex tapplika u biex tipparteċipa. Ma tingħata ebda kontribuzzjoni lill-parteċipanti.

 Kif tapplika

L-applikanti għandhom jipprovdu:

  1.  Jekk inti artist professjonali, CV qasir u ittra ta’ motivazzjoni qasira. Jekk jista’ jkun, links għal filmati onlajn ta’ xogħol artistiku mill-passat
  2.  Jekk inti student jew dilettant, ittra ta’ motivazzjoni li tgħid għala tixtieq tieħu sehem fil-proġett.

Jekk jogħġbok ibgħat il-materjal mitlub fiż-żewġ indirizzi tal-email: [email protected] u [email protected] sal- 5 ta’ April 2018.

Il-proċess ta’ ħolqien

Sentieri huwa workshop, proċess bi pjan u mument ta’ rappreżentazzjoni. Il-parteċipanti se jgħaddu minn dawn il-passi differenti kollha, filwaqt li jkollhom il-possibbiltà jinżlu fil-fond tar-riċerka artistika tagħhom. Din hija l-okkażjoni perfetta biex taġġorna ruħek mal-metodu tagħna għal kreazzjonijiet b’siti speċifiċi. Hija wkoll mod li bih tkabbar ir-riflessjoni fuq arti performattiva li għandha sit speċifiku u l-possibbiltajiet multidixxiplinarji u ta’ sinerġija tagħha. Il-kreazzjoni se tkun kokreazzjoni, hekk kif aħna nistiednu lill-parteċipanti biex jagħmlu l-propożizzjonijiet. Li taħdem fi grupp u tħallat tipi ta’ arti u abbiltajiet differenti se tkun sfida interessanti. Il-ħidma fin-natura u għaliha se twassalna biex immorru lura għal għarfien irfinut, fil-proċess li jwassal għas-“smigħ” u fl-istess waqt is-sejba tal-park se tagħni “l-art ġewwiena” tiegħek.

Mal-wasla f’post ġdid, nużaw l-isfond kollettiv tagħna f’rappreżentazzjoni (mużika, arti viżiva, żfin) filwaqt li nesponu ruħna għal skambji ġodda. Il-proċess tagħna jibda billi nistudjaw l-ispazju u nisimgħuh, u niltaqgħu mal-komunità lokali. Min-natura tagħna, l-approach huwa kollaborattiv, u jgħix minn fuq influwenzi ġodda; għaldaqstant aħna nintegraw kemm artisti professjonali, kif ukoll dilettanti fix-xogħol tagħna, filwaqt li nħaddmu l-abbiltajiet differenti fi proċess artistiku komuni.

Ir-rabta bejn poeżija, mużika u rappreżentazzjoni live hija element b’saħħtu fix-xogħol tagħna. Ir-ritmi performattivi tagħna se jkunu żviluppati l-iktar mill-preżenza tal-ġisem (fiżika/azzjoni viżiva, żfin) flimkien mar-ritmi tal-vuċi-mużika. Nieħdu gost nadattaw mill-ġdid ċerti props, filwaqt li nużaw materjal differenti b’mod kreattiv, biex nagħmlu l-avveniment uniku kemm għall-użu tal-ispazju, kif ukoll għall-għodod li jistgħu jinstabu hemm biss. Fl-aħħar nett, aħna naħdmu b’mod li nilqgħu s-sorpriżi u r-rispons.

Is-sors ta’ ispirazzjoni għall-proċess performattiv huwa l-ispazju u l-komunità li niltaqgħu magħha. Il-komunità lokali kollha hija involuta: tassisti b’mod volontarju jew involontarju fil-kreazzjoni kontinwa ta’ passi li jwasslu għall-avveniment finali. F’dan is-sens, il-proġett tagħna huwa kemm produzzjoni, kif ukoll proġett ta’ formazzjoni bil-għan li jintegra l-artisti u t-territorji. L-avveniment finali huwa ispirat u maħluq skont l-ispazju disponibbli u skont in-nies li jikkollaboraw magħna. Il-proċess tagħna jibda b’dan is-“smigħ”.

Sentieri għandu l-għan li jivvaluta mill-ġdid is-sit permezz tal-arti performattiva. Dan ifisser, pereżempju, il-kuntatt fil-fond bejn il-parteċipanti u l-post. Bħala barranin u bħala artisti aħna nħarsu lejn il-post b’għajnejn ġodda. Din hija l-esperjenza li għandna l-għan li titwettaq mill-udjenza. Il-kreazzjoni tagħna hija maħsuba biex tkun mument ta’ tregwa: jitfaċċaw viżjonijiet fejn is-soltu ma jiġri xejn. B’bidla fil-perspettiva, bidla fid-dehra, titfaċċa naħa oħra, naħa li ma konniex nipperċepixxu qabel. Għaldaqstant inħarrġu l-ħars tagħna għal direzzjoni oħra, inħallu lilna nfusna niskopru forom oħra, modi oħra. Dan huwa dak li tgħallimna l-arti, biex inżommu l-ħars ħaj, kurjuż u attent għall-mument preżenti. F’direzzjoni lejn ħajja li titlob biex tkun ħaġa partikulari, regoli partikulari, rwoli partikulari, attitudnijiet partikulari, drawwiet partikulari, aħna niskopru farka, dubju, raġġ. Insibu li għandna iktar perspettivi minn kemm ħsibna, il-possibbiltà li ninbidlu, li nagħżlu, li nħossu, li nittrasformaw. L-udjenza se tesperjenza l-post, li huwa parti mit-territorju tagħha, b’mod differenti, minn għajnejn differenti.

sentieri (11)

sentieri (12)

featured image sentieri altofest

sentieri (5)

sentieri (8)

Ritratti: c. Sentieri