Il-ġeografija strateġika ta’ Malta f’salib it-toroq tal-Mediterran tat il-kontribut tagħha fl-istorja rikka tagħha u fid-diversità kulturali dejjem tikber li tħaddan.
B’ħafna influwenzi mill-Mediterran u lil hinn, il-Gżejjer Maltin huma punt ta’ inkontru ideali għal avveniment tant varjat bħall-Malta World Music Festival, li jiċċelebra s-sbuħija tad-diversità kulturali bil-mezz espressiv tal-mużika. Is-sena 2018 ser tara t-tieni edizzjoni tal-festival tiżvolġi b’elenku eċċellenti ieħor ta’ gruppi lokali u għadd ta’ esponenti internazzjonali tal-ġeneru world music b’reputazzjoni kritika tajba.
Fost l-artisti ta’ din is-sena jispikka l-kollettiv li ġie nnominat għal Grammy, Afro Celt Sound System, li se jkun l-att prinċipali matul il-kunċert tal-Ġimgħa. Maħluq minn Simon Emmerson lura fl-1996, Afro Celt Sound System huwa kollettiv b’bażi Ewropea u Afrikana li kien ta’ forza kompletament ġdida fil-mużika sa mill-bidu nett. Bil-bejgħ issa jilħaq iżjed minn miljun u nofs album u żewġ nominazzjonijiet għal Grammy s’issa, Afro Celt Sound System kienu fuq quddiem nett fit-twassil tal-worldbeat lill-massa, hekk kif ħadu sehem f’kunċerti u festivals madwar id-dinja kollha.
Cushion, li se jkunu rappreżentanti ta’ Malta, se jagħtu bidu għall-festival il-Ġimgħa filgħaxija. Dan il-grupp lokali ta’ fużjoni Indjana huwa ispirat bil-kbir mit-tradizzjoni Indjana, b’dominanza għal licks fuq is-sitar u vokalizzazzjonijiet tal-Lvant, b’kollox segwit minn atmosfera ta’ keyboard u disinnji ta’ taħbit tal-bass u t-tambur. Il-preżentazzjonijiet live tagħhom spiss jinkludu korjografija ta’ żfin professjonali, juggling bin-nar, u atti tal-buugeng.
L-iskeda tal-lejl tal-Ġimgħa hija kompluta b’Refugees for Refugees, grupp mużikali ta’ għaxar mużiċisti taħt it-tmexxija tad-daqqaq tal-oud Belġjan, Tristan Driessens, li huma verament refuġjati ġejjin mis-Sirja, l-Iraq, l-Afganistan, il-Pakistan, u t-Tibet. Il-ħoss tal-grupp mużikali jibni pontijiet bejn il-patrimonju mużikali ta’ kull waħda minn artijiet twelidhom rispettivament.
L-artista Spanjola fil-quċċata tal-klassifiċi, Ana Alcaide, se tagħti bidu għall-festivitajiet tas-Sibt filgħaxija. Ana kellha rwol pijunier fl-introduzzjoni u l-popolarizzazzjoni tan-nyckelharpa fi Spanja. B’għeruq fi tradizzjonijiet antiki imma reżolutament moderni, il-kompożizzjonijiet tagħha jħalltu b’mod ħafif stili mużikali minn kulturi differenti.
Alcaide se tkun segwita minn TRAD.ATTACK!, triju ta’ mużiċisti li jdoqqu l-interpretazzjoni tagħhom ta’ mużika folkloristika Estonjana, li twaħħad ir-rock, il-mużika folkloristika, u l-mużika taż-żaqq. TRAD.ATTACK huma ispirati minn rekords mill-arkivji ta’ kantanti u strumentalisti Estonjani kbar, li kkrejaw u esebixxew mużika għal xogħol, pjaċir, u festivitajiet fi żminijiet tal-imgħoddi.
Il-festival jasal fi tmiem b’att minn Electrik GEM! Il-gitarrist, Grégory Dargent, u l-grupp imżewwaq ta’ strumentalisti tiegħu – li jinkludi mużiċisti tal-oud, gadulka, u tarhu – jinkorporaw ħsejjes mill-Balkani, il-Lvant Nofsani, u l-Orjent, f’attentat biex jittraskrivu b’mod mużikali l-metropoli moderna u multidimensjonali Mediterranja.
L-edizzjoni tal-2018 Malta World Music Festival jwiegħed li jieħu lil dawk in attendenza fuq vjaġġ mużikali espansiv tul iż-żmien, kulturi, u spazju.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tittella’ fit-18 u d-19 ta’ Mejju 2018 fil-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta. Żur is-sit tal-Malta World Music Festival għal aktar informazzjoni.