Ir-rabtiet misterjużi li Malta u Leeuwarden, fl-Olanda għandhom moħbija taħt l-art se jaraw id-dawl, bis-saħħa tal-esibizzjoni tal-arti viżiva mill-aktar interessanti u dokumentarju qasir imħejji minn Leanne Wijnsma.
Ix-xogħol jittratta r-riżorsi diġitali moderni bħala qafas naturali tad-Dinja li ġejja mit-trab u mill-ilmijiet – ġabra kbira ta’ informazzjoni li tgħaqqad spazji, postijiet u nies. Permezz tat-teknoloġija 3D, Subterranean Matter tiġbor u toħloq spazji taħt l-art li diffiċli wieħed jidħol fihom: iċ-ċisterni tas-seklu 15 taħt il-Bini tal-Qorti fil-Belt Valletta, il-kmamar ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija fil-Belt Valletta, bunker ta’ żmien il-Gwerra Bierda fiċ-ċentru ta’ Leeuwarden u akwedotti tas-seklu 21 fi Friesland.
Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jidħlu fil-mini ddiġitizzati, jimmarkaw il-ġebel u l-ħamrija u saħansitra jxommu r-riħa tal-umdità. Parti mix-xogħol huwa dokumentarju qasir bl-isem The Diggers, vetrina ta’ stejjer ġejjin minn siti taħt fl-art f’Malta li se jkun għall-wiri flimkien mal-esibizzjoni.
Subterranean Matter se tittella’ fi Mkejjen A u B fi Spazju Kreattiv bejn il-Ġimgħa 17 ta’ Awwissu u l-Ħadd 23 ta’ Settembru 2018.