Eklissi totali tal-Qamar iseħħ meta d-Dinja tgħatti x-Xemx mil-perspettiva tal-qamar. Minħabba f’dan, il-Qamar jidher jiskura hekk kif jidħol fid-dell tad-dinja waqt l-orbita tiegħu madwar il-pjaneta tagħna. Meta x-Xemx, id-Dinja u l-Qamar ikunu jinsabu f’linja perfetta kif deskritt, dawk fuq in-naħa tal-pjaneta li tkun bil-lejl dak il-ħin jistgħu josservaw il-Qamar jitgħatta bilmod hekk kif jidħol fil-partijiet tad-dell tad-dinja msejħin ‘penumbra’ u ‘umbra’. Hekk kif il-Qamar kollu jkun fid-dell tad-dinja. il-qamar jieħu kulur ħamrani, u huwa minħabba f’dan li eklissi totali tal-qamar jissejjaħ ukoll ‘blood moon’.
Minħabba li eklissi totali tal-Qamar jiġri biss meta l-Qamar, ix-Xemx u d-Dinja jkunu jinsabu f’linja perfetta waqt li jkun qamar kwinta, eklissi bħal dan mhux komuni ħafna. L-aħħar eklissi totali viżibbli minn Malta seħħ fit-28 ta’ Settembru, 2015. Din is-sena, l-eklissi ser iseħħ nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Lulju, bl-eklissi parzjali jibda fid-20:45 ħin lokali u l-eklissi totali imbagħad jibda fid-21:30 ħin lokali.
F’kollaborazzjoni bejn l-Institut tax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija, id-Dipartiment tal-Fiżika, l-Għaqda Maltija tal-Astronomija, Esplora u Heritage Malta, l-għan ta’ din l-attività ser ikun li nosservaw l-eklissi totali tal-qamar mil-Forti ta’ Sant’Iermu. Apparti minn hekk, ser jintramaw għadd ta’ teleskopji fuq is-sit, u dawk li jattendu ser ikunu jistgħu jittawlu lejn l-Qamar waqt l-eklissi. Apparti minn hekk, il-pjaneta Mars ser tkun viżibbli sew dakinhar, peress li ser tkun kważi l-eqreb tad-Dinja sa mil-2003. Dawk li ser jattendu ser ikollhom iċ-ċans li huma wkoll iħarsu lejn Mars mit-teleskopji li ser ikollna armati fuq is-sit. Ser ikun hemm ukoll numru ta’ attivitajiet relatati mal-astronomija intenzjonati għat-tfal fuq il-post.
Din l-attività hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.