Mouse tal-kompjuter ġgantesk, skultura virtwali, u biċċa xogħol artistika interattiva ġejjin lejn Malta. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Science in the City – European Researchers’ Night ingħaqdu flimkien biex joħolqu 3 installazzjonijiet spettakolari matul Science in the City fit-28 ta’ Settembru, bejn is-6pm-12am ħdejn il-Funtana tat-Tritoni fil-Belt Valletta. Din il-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, Valletta 2018 u l-Università tal-Arti Applikata, Vjenna, tirrappreżenta dak kollu li jfisser dan il-festival – li joħloq relazzjonijiet fost dixxiplini differenti sabiex l-udjenza tista’ tipparteċipa bix-xjenza u l-arti, b’mod li mhux dejjem jista’ jkun possibbli.
Xi wħud mix-xogħlijiet tal-arti ewlenin jikkonsistu minn tliet xogħlijiet tal-arti minn studenti jew alumni mill-Università tal-Arti Applikata fi Vjenna li ġew ispirati minn xjentisti mill-Università ta’ Malta.
Pushing the Mouse ta’ Michael Bachhofer u Stefan Resch hija bbażata fuq il-premessa li l-maġġoranza tagħna f’soċjetà moderna qed nimbuttaw il-ġrieden għall-għajxien tagħna. L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li nibdlu l-mod kif inħarsu lejn l-interazzjoni ta’ kuljum tagħna ma’ mouse tal-kompjuter, l-ammont ta’ xogħol involut u r-rwol li għandu f’ħajjitna. Ejja imbotta dan il-mouse enormi minn ġewwa ostakli tanġibbli u virtwali – ħdejn il-Funtana tat-Tritoni. Riċerkaturi tal-Università ta’ Malta involuti: Marthese Borg (Fakultà tal-Medja u x-Xjenza tal-Għarfien).
Reframing Carbon Installazzjoni minn Daniela Brill u Guadalupe Aldrete li ssegwi l-istorja tal-bniedem. Din il-vetrina ta’ tliet perjodi relevanti: il-passat, il-preżent u l-futur, taħdem biex tgħaqqad is-sorsi tar-riċerka f’dan il-vjaġġ tal-karbonju minn perspettiva arkeoloġika, morfoloġika u ekoloġika. Se tkun tista’ tibda dan il-vjaġġ bl-użu tal-piż ta’ ġismek biex tattiva din il-biċċa xogħol artistika – ħdejn il-Funtana tat-Tritoni. Riċerkaturi tal-Università ta’ Malta involuti: Dr Ing. John Betts, Dr Catriona Brogan u Rowan McLaughlin (Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija, Fakultà tal-Arti).
Fortoni ta’ Matthew Attard u Matthew Galea hija skultura ta’ realtà miżjuda, kulħadd jista’ jaċċessaha permezz tal-mezzi personali tiegħu. Dan il-proġett jgħaqqad data ġġenerata minn riċerka xjentifika flimkien ma’ teknoloġija l-aktar avvanzata fix-xjenzi tal-kompjuter, għal xejra innovattiva fuq il-kunċett ta’ kif għandu jidher monument pubbliku. Il-kunċett artistiku nnifsu jittratta wkoll l-effetti tal-perċezzjoni tal-bniedem fuq il-mod li naraw u nifhmu l-ambjent ta’ madwarna – ħdejn il-Funtana tat-Tritoni. Riċerkaturi tal-Università ta’ Malta involuti: Dr Vanessa Camilleri (Fakultà tal-ICT) u l-Professur Ian Thornton (Fakultà tal-Medja u x-Xjenza tal-Għarfien).
Din l-attività tagħmel parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.