Military Mtarfa issa sar parti mill-kalendarju nazzjonali, u huwa l-attività ewlenija li tikkommemora l-ħakma Brittanika fil-Gżejjer Maltin. Għalkemm ċkejkna u kwieta, l-Imtarfa tattira diversi turisti Brittaniċi li jixtiequ jitgħallmu aktar dwar il-post fejn twieldu jew ir-raħal fejn qraba jew ħbieb kienu stazzjonati matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Din is-sena, l-attività se tittella’ nhar il-Ħadd 11 ta’ Novembru 2018 bejn l-10:30am u l-5pm fl-eks Sptar Navali Brittaniku, li nbena speċifikament biex iservi l-feruti Militari matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Id-data magħżula proprjament taħbat il-mitt anniversarju mill-iffirmar tal-Armistizju bejn l-Alleati u l-Ġermanja.
L-attività tingħata bidu bi żjara fiċ-Ċimiterju Militari tal-Imtarfa sabiex infakkru lil dawk li mietu matul l-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjin. Iċ-Ċimiterju Militari tal-Imtarfa fih 238 difniet tal-Commonwealth mit-Tieni Gwerra Dinjija. Se titpoġġa girlanda biex tonora lil dawn l-individwi. Wara jsir salut mill-Grupp tal-Iscouts lokali, u wara dan konvoj ta’ mill-inqas 20 vettura militari se jsuqu lejn il-post uffiċjali tal-attività.
L-attività ewlenija se tinkludi persuni libsin ilbies taż-żmien iwettqu diversi simulazzjonijiet ta’ battalji u ġlied bejn il-forzi Brittanniċi u Ġermaniżi. Se jkun hemm ukoll sptar u kċina temporanji flimkien ma’ Victory Kitchen tipika, fost l-oħrajn. Membri tal-pubbliku ġenerali se jkunu jistgħu jinteraġixxu mas-suldati hekk kif jimxu fil-fosos li jdawru l-post, u li huma simulazzjoni perfetta tal-ħajja fin-naħa ta’ quddiem tal-battalja, kif ukoll tal-kampijiet tagħhom.
Attrazzjoni speċjali se tkun il-ftuħ ta’ xelter taħt l-eks Sptar Navali Brittaniku, li kien moħba u rotta ta’ salvataġġ importanti għall-pazjenti u l-ħaddiema matul il-Gwerer. Dan ix-xelter uniku u meraviljuż, li huwa fond 3 sulari u jinkludi teatru kirurġiku ta’ emerġenza, qatt ma nfetaħ għall-pubbliku, u probabbilment se jkun l-unika okkażjoni fejn jistgħu jagħtu ħarsa lejn dan il-kapolavur storiku.
Barra minn hekk, il-viżitaturi jistgħu jaraw diversi oġġetti mill-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija, inkluż armi awtentiċi, tagħmir tar-radju, u lbies uffiċjali. Diversi entitajiet oħra bħall-Forzi Armati, il-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili se jipparteċipaw fl-attività, u se jipprovdu ħarsa unika lejn ir-rwol tagħhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Se jkun hemm ukoll wirja interessanti mill-Malta Railway Foundation, li hija sinifikanti b’mod partikolari meta tara li s-Servizz tal-Ferrovija Brittanika kien jibda mill-Istazzjon tal-Imtarfa.
Barra minn hekk, il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa qed jikkoopera bis-sħiħ mal-entitajiet lokali tiegħu, u jgħinhom fil-kostumi u oġġetti filwaqt li jagħtuhom l-opportunità li jinvolvu l-membri kollha tagħhom matul Military Mtarfa 2018. Kooperazzjoni u rappreżentazzjoni bħal din f’attività nazzjonali tkattar aktar is-sens ta’ kburija u appartenenza f’dan ir-raħal storiku fit-Tramuntana.