Kunċert mill-Etnika, wieħed mill-gruppi ewlenin tal-folk modern f’Malta, se jniedi Music in Malta – From Prehistory to Vinyl, proġett mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti (Maltese Heritage Foundation) li hija organizzazzjoni mingħajr qligħ bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-wirt estensiv ta’ dawn il-gżejjer kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Il-kunċert se jittella’ fit-30 ta’ Novembru fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, mit-8.30 ‘il quddiem.
Il-proġett kollu se jinkludi wkoll esibizzjoni ewlenija ta’ strumenti mużikali minn kollezzjonijiet Maltin li se tiftaħ fi żmien il-Għid tal-2019, kif ukoll programm sħiħ ta’ rappreżentazzjonijiet mużikali minn artisti lokali u barranin.
Din ir-rappreżentazzjoni qed tiġi organizzata mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti bl-appoġġ ta’ Valletta 2018 – Kapitali Ewropea tal-Kultura.