L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija għal żmien il-festi tal-Milied, ser ittella’ esebizzjoni ta’ żewġ presepji kbar fuq it-tema: ‘Malta fil-Presepju’
Fil-Parlament ta’ Malta, il-Belt Valletta fl-1 ta’ Diċembru ser isir kunċert tal-Milied u ftuħ tal-presepju b’xenarji mill-Belt Valletta. Dan il-presepju jibqa’ miftuħ sas-6 ta’ Jannar 2019.
Fost x-xenarji varji li nsibu f’dan il-presepju naraw l-Berġa ta’ Kastilja, il-Knisja tal-Vitorja u kif ukoll it-Teatru Rjal. Insibu wkoll is-swar li fuqhom hija mibnija l-Belt Valletta. Tispikka f’dan il-presepju dar partikolari, mġarrfa fit-Tieni Gwerra Dinjija li fiha naraw in-natività, replika tal-pittura ta’ Guzeppi Cali li tinsab fuq l-artal tat-twelid fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa. Kif wieħed ikun qed iżur dan il-presepju ssibu jilqagħkom il-Granmastru La Valette u kif ukoll wieħed isib lill-qaddis Malti San Ġorġ Preca.
Fil-każin tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija, Ħal Luqa – Presepju b’ xenarju mill-pajsaġġ Malti li ser ikun miftuħ mill-15 ta’ Diċembru 2018 sas-6 ta’ Jannar 2019.
Fost ix-xenarji varji u l-pajsaġġ Malti, naraw ukoll djar tipikament Maltin fejn wieħed jista’ jammira d-dettall li fihom dawn id-djar, fejn juru s-sbuħija tal-ġebla Maltija. Ma jonqsux il-figuri (pasturi) b’ilbies tradizzjonali Malti, xogħol l-artist Jesmond Micallef.
‘Malta fil-Presepju’ joħroġ verament l-identità Maltija li filwaqt li nirrakkontaw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu niltaqgħu mal-istorja li sawret lil pajjiżna. Għaldaqstant ħadd m’għandu jitlef dawn iż-żewġ esperjenzi u jżur dawn il-presepji.
Għal aktar dettalji u aġġornamenti tistgħu tidħlu fuq il-paġna ta’ Facebook Malta fil-Presepju. Din l-attività hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.