Il-purċissjoni tal-istaġun festiv Malti se tittella’ fil-Belt Valletta fl-20 ta’ Diċembru 2018. Din il-purċissjoni tradizzjonali bil-Bambin Ġesù tibda mill-Knisja ta’ Santu Wistin fi Triq l-Ifran fis-5.45pm, imbagħad taqbad it-triq tagħha lejn Triq San Ġwann u Triq ir-Repubblika. Il-purċissjoni tiġi fi tmiemha quddiem ix-xena tradizzjonali tan-Natività fi Pjazza Tritoni.
Aktar minn 50 membru tal-banda mill-Big Friends Guggen Musik Malta AD 2008, lebsin kostumi ferriħija ta’ żmien il-Milied, se jkunu qed jakkumpanjaw il-purċissjoni filwaqt li jdoqqu mużika allegra. Filwaqt li tkun għaddejja l-purċissjoni, il-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta se jkunu qed idoqqu fi Pjazza Tritoni, mill-5.30 ‘il quddiem. Il-programm se jinkludi wkoll messaġġi mill-kapijiet tal-istat u se jixxandru fuq it-televiżjoni b’mod dirett. Matul l-aħħar parti, il-purċissjoni se tasal ħdejn il-presepju u erbat itfal li jirrappreżentaw komunitajiet differenti fil-Belt Valletta jpoġġu lil Ġesù Bambin fil-presepju.