Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tappoġġja t-Tnax il-Edizzjoni tal-Festival tan-Nar tal-Art Mekkanizzat, organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana, li se jsir fil-Pjazza ta’ San Publju nhar is-Sibt 14 t’April 2018, lejlet il-festa ta’ San Publju- il-qaddis patrun tal-Furjana.

Il-murtali tal-art huma tradizzjoni unika tal-piroteknika Maltija, u parti importanti ħafna miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi ta’ barra f’Malta u Għawdex. Kull kamra tan-nar tagħmel l-almu tagħha kollu biex titjieb fuq l-istrutturi preċedenti u toħloq mekkaniżmi ġodda. Kull kamra tan-nar se tikkompeti b’żewġ strutturi. Naturalment, il-kompetizzjoni u l-pika bejn il-kmamar tan-nar jassiguraw livelli għoljin għal kull murtal.

Il-preparamenti għal dawn il-wirjiet mill-pirotekniċi l-kbar se jibdew nhar il-Ġimgħa 13 t’April fl-10am. Wieħed jista’ jammira l-kumplessita` u l-kapaċita` fix-xogħol involut f’li jitpoġġew flimkien il-wirjiet tan-nar tal-art mekkanizzat ta’ ċertu kobor fil-lok ta’ dan l-avveniment. It-tħejjijiet ikomplu sa tard wara nofsinhar f’jum il-festival.

Il-festival se jsir fuq il-Fosos (il-Pjazza ta’ San Publju)- l-akbar pjazza f’Malta. Il-programm tan-nar tal-art jibda fl-10:15pm.

Għal iżjed tagħrif, ibgħat email fuq [email protected] jew ċempel fuq 21235523.