Ballet Intensive International (BII) ġie mniedi f’Malta fl-2014. Imwaqqaf minn Sandrina Spiteri Gonzi (English National Ballet School, Elmhurst Ballet School), issa jinsab fir-raba’ sena tiegħu u jibqa’ l-avveniment ewlieni tal-ballet f’Malta. Sandrina, issa għalliema b’passjoni kbira, tibqa’ ffukata fuq l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ talent lokali u internazzjonali, u tittama li tagħti lil żeffiena tal-ballet f’Malta opportunitajiet ġodda u eċċitanti, biex tespandi l-istandards tal-eċċellenza tal-ballet klassiku f’Malta. L-għan ta’ BII huwa li jgħaqqad żeffiena aspiranti żgħar f’Malta, ma’ żeffiena professjonali li jinsabu fl-aqwa tal-karriera tagħhom, u li jiżfnu mal-kumpaniji tal-ballet l-aktar famużi fid-dinja.
Matul is-snin BII stieden l-għalliema mistednin li ġejjin:
- Żeffiena prinċipali, English National Ballet, Laurretta Summerscales
- Solista primarja, The Royal Ballet, Tierney Heap
- Prinċipal, Dutch National Ballet, Sasha Mukhamedov
- Artista fi Staatsballett Berlin, Mari Kawanishi
- Solista primarja f’The Royal Ballet, Yasmine Naghdi
- Artista primarja fil-Birmingham Royal Ballet, Ruth Brill
Din is-sena BII huwa kburi li jilqa’ lil Luiza Lopes, solista fir- Royal Swedish Ballet u l-Artista Maria Andres Betoret minn Stuttgart Ballet, il-Ġermanja.
Dan il-programm intensiv ta’ ġimgħatejn preprofessjonali huwa miftuħ għal żeffiena kemm Maltin kif ukoll internazzjonali. Matul dawn l-aħħar erba’ snin, BII bena netwerk stabbli ta’ studenti membri li jibbenefikaw minn espożizzjoni fiż-żfin u opportunitajiet fil-komunità tal-ballet internazzjonali. Il-programm huwa mfassal apposta biex jesponi liż-żeffiena għal taħriġ preprofessjonali tal-ballet u jipprovdi ħiliet prattiċi u taħriġ personalizzat biex jitgħallmu mill-aqwa żeffiena tal-ballet fid-dinja. Il-klassijiet jinkludu teknika tal-ballet klassiku, repertorju, varjazzjonijiet tas-solos, ħiliet tal-prestazzjoni, żfin kontempranju, kondizzjonar tal-ġisem / stretching, xogħol tal-pointe, tutorials fin-nutrizzjoni tas-saħħa u tekniki tal-provi. Il-klassijiet taż-żfin huma akkumpanjati minn pjanista lajv.
Il-programm għandu l-għan li jrawwem u jimmotiva lill-istudenti tal-iżfin klassiku f’ambjent inkoraġġanti u ta’ gost filwaqt li jiżviluppa l-apprezzament taż-żeffiena fil-forma tal-arti klassika. Il-programm joffri wkoll lill-istudenti kollha opportunità għal prestazzjoni fi tmiem il-kors. Kull sena, BII tagħti borża ta’ studju vokazzjonali internazzjonali għall-attendenza f’kors qasir internazzjonali fi skola tal-ballet ta’ fama internazzjonali. Iż-żeffiena l-aktar promettenti tas-sena l-oħra ġiet mogħtija post fil-programm tas-Sajf ta’ Elmhurst Ballet School, li hija waħda mill-iskejjel tal-ballet vokazzjonali ewlenin fir-Renju Unit.
Ballet Intensive International jgħaqqad il-komunità taż-żfin ta’ fama internazzjonali ma’ Malta, li jgħin biex jinbena skambju kulturali b’saħħtu u jpoġġi lil Malta fuq il-mappa bħala pjattaforma ta’ kwalità għolja għall-ballet klassiku.
Dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018