Lesti ruħek biex terġa’ tqis il-perċezzjoni u l-esperjenza tiegħek tal-Belt Valletta hekk kif issib ruħek fi ħdan Between The Heard. L-Ispazju Kreattiv tal-Kavalier ta’ San Ġakbu jinbidel  b’sound installation li tinkludi narrattivi sottili u diversi tal-Belt. Mentri l-ħoss idur ġewwa l-ispazju ssibek qiegħed tagħmel l-istess ħaġa – tissemma’ u tisma’ ħsejjes li qatt ma bsart, l-eki, trażmissjonijiet u tpaċpiċ. X’jiġri mill-Belt meta minflok tarha b’għajnejk tisma’ biss il-ħsejjes tagħha?

Renzo Spiteri huwa sound artist Malti li joħloq xogħol tiegħu u jikkolabora wkoll ma’ artisti viżivi, organizazzjonijiet kulturali, galleriji tal-arti, kittieba u żeffiena fost oħrajn. Dan l-artist b’diversi aspetti huwa magħruf ħafna għall-versatilità artistika tiegħu, għall-użu kreattiv tal-ħoss u għal modi ta’ espressjoni bla limiti. Spiteri huwa attiv ukoll fix-xena internazzjonli fejn jippreżenta wħud mill-kompożizzjonijiet innovattivi tiegħu bħala solista. Jikkollabora wkoll ma’ għadd ta’ mużiċisti minn ġeneri artistiċi differenti, biex b’hekk joħloq djalogi dinamiċi bejn il-kulturi.

Between the Heard hija parti mill-proġett Quintessence – kollaborazzjoni bejn Open Works Lab u l-Fondazzjoni Valletta 2018 u parti mill-Programm Kulturali tal-Fondazzjoni.

L-istallazzjoni tagħmel parti wkoll mill-programm ta’ Spazju Kreattiv u tgawdi l-appoġġ tal-Fond Malti għall-Arti tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.

Għal iżjed tagħrif żur is-sit elettroniku www.renzospiteri.com.