L-esebizzjoni Malta Pavilion fil-57 edizzjoni tal-Bjennali ta’ Venezja (2017) qiegħda tiġi kkurata minn Bettina Hutschek u Raphael Vella u ser ikun jisimha Homo Melitensis: An Incomplete Inventory in 19 Chapters. L-esebizzjoni tesplora l-perċezzjonijiet dwar l-identità, il-karattru nazzjonali, il-karatteristiċi nazzjonali u n-nozzjonijiet territorjali, bil-għan li tiggwida lill-ispettaturi waqt vjaġġ mistħajjel f’perċezzjonijiet popolari u multidixxiplinarji dwar l-identità Maltija, studjata minn perspettiva kemxejn Borgeżjana u ppreżentata f’sensiela non-ġerarkika u akronoloġika ta’ kollezzjonijiet.

L-approċċ kuratorju huwa kritiku: veru, inaqqas l-importanza tal-kwistjoni tar-rappreżentazzjoni nazzjonali, iżda fl-istess mentri jippreżentaha fi ħdan il-kuntest tal-paviljun. Diversi artefatti misselfa mill-kollezzjonijiet nazzjonali u folkloristiċi u immaġnijiet fotografiċi arkivjali ser joħolqu djalogi ma’ xogħlijiet eżistenti ta’ artisti kontemporanji.

Bħalissa l-kuraturi għadhom fil-proċess tal-għażla tax-xogħlijiet tal-artisti. Din is-sejħa maħsuba biss għal artisti t’oriġini Maltija li b’danakollu fil-mument mhumiex residenti f’Malta. Lill-artisti kontemporanji bbażati f’Malta qegħdin jikkuntattjawhom il-kuraturi b’mod dirett u l-inklużjoni tagħhom fil-paviljun ser tkun possibbli biss bi stedina. B’‘oriġini Maltija” hawnhekk irridu nfissru ċittadini Maltin ibbażati barra l-pajjiż jew ċittadini ta’ pajjiżi oħra b’konnessjonijiet tal-ewwel, tat-tieni jew tat-tielet ġenerazzjoni ma’ Malta. M’hemmx ristrizzjonijiet fuq l-età.

Jistgħu japplikaw artisti viżivi kontemporanji minn kwalunkwe mezz artistiku. Jekk jogħġobkom fl-applikazzjoni tagħkom inkludu portafoll artistiku b’xogħol li sar f’dawn l-aħħar 5 snin (b’enfasi speċjali fuq proġetti relevanti għat-tema u l-approċċ kuratorju ta’ Malta Pavilion), CV reċenti b’listi ta’ esebizzjonijiet, sit elettroniku u kull materjal onlajn relevanti, id-dettalji tal-kuntatt (indirizz attwali, indirizz tal-email) kif ukoll ittra ta’ motivazzjoni b’tagħrif fuq ir-rapport tiegħek ma’ Malta.

L-applikazzjonijiet u l-mistoqsijiet tagħkom għandhom jintbagħtu b’email b’fajl pdf mehmuż fuq [email protected].

Filwaqt li ma hemmx limitu fuq l-għadd ta’ xogħlijiet jew proġetti li tistgħu tinkludu fl-applikazzjoni, l-informazzjoni u l-istampi kollha għandhom jintbagħtu f’fajl pdf wieħed li ma jaqbiżx il-5MB fid-daqs u l-15-il paġna fit-tul.

L-iskadenza tal-applikazzjonijiet tagħlaq fl-10 ta’ Ottubru 2016. Ix-xogħol li jasal wara din id-data ma jiġix ikkunsidrat.

L-applikanti ser ikunu mgħarrfa bir-riżultat rispettiv tagħhom sal-4 ta’ Novembru 2016.

Tista’ tikseb iżjed tagħrif dwar il-Malta Pavilion u l-kuraturi minn hawnhekk.