Belt għandha x’tirrakkonta diversi stejjer, u kull storja għandha verżjonijiet differenti: x’taħseb li kieku tkun miexja madwar il-bliet tagħna matul il-ġurnata jew fl-eqqel ta’ lejl?; It-toroq li nużaw waqt li sejrin lejn ix-xogħol, id-dar jew biex niddevertu, jagħmlu l-vjaġġ tagħna pjaċevoli jew nispiċċaw nitilfu l-paċenzja?

‘Bodies in Urban Spaces’, proġett ta’ Willi Dorner, jippermetti liż-żgħażagħ isiru konxji tar-rabtiet li aħna għandna mal-ispazju pubbliku.

Permezz ta’ serje ta’ interventi urbani, dan il-proġett jibdel l-ispazji fil-belt f’sensiela ta’ ostakli li jinħolqu f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata. Bejn id-dwejjaq u d-divertiment, tinħoloq provokazzjoni għal reazzjoni fiżika u ta’ emozzjoni, li twassal lill-parteċipanti jirriflettu fuq ir-regoli, ir-restrizzjonijiet u l-alternattivi l-oħra li hemm fil-belt. Dawn l-interveni huma temporanji, imma l-effett fuq il-moħħ tant jibqa’ jippersisti, li tiġi stabbilita relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-komunità tagħhom.

Dan il-proġett huwa kollaborazzjoni mal-Festival ŻiguŻajg.