Strada Stretta Concept, taħt il-patroċinju tal-Fondazzjoni Valletta 2018, ser tippreżenta l-opra Carmen ta’ Georges Bizet bid-direzzjoni artistika ta’ Giuseppe Schembri Bonaci.
Il-produzzjonijiet teatrali ta’ Schembri Bonaci dejjem stimulaw il-kurżità u d-dibattitu. B’Carmen did-darba ser jippreżenta lill-pubbliku produzzjoni artistika ġdida b’viżjoni non-konvenzjonali. Filwaqt li ser tibqa’ żżomm ir-rispett u l-fedeltà lejn il-mużika u l-librett, dn il-produzzjoni tiegħu ser tisfrutta approċċ ġdid kif nistgħu nittrattaw il-ġeneru tal-opra fi żminijietna.
L-opra ser tittella’ fi Strada Stretta, sewsew viċin ‘Splendid House’ fl-24 ta’ Novembru, fejn ser jinsilet u jitwaħħad mal-opra nfisha l-karattru ta’ din it-triq magħrufa.
Il-kast internazzjonali huwa magħmul mill-kantanti Clare Ghigo (Carmen), Charles Vincenti (Jose), Louis Andrew Cassar (Escamillio), Ken Scicluna (Zuniga) u l-Junior Choir ta’ Johann Strauss School of Music. Magħhom ser jingħaqdu l-mużiċisti Vincenzo Picone (vjolin), Matthew Fenech (vjola u sassofanu), Yuri Charyguine (akkordjon), Luke Baldacchino (perkussjoni), Emel Hasanoglu (pjanu), Gjorgji Cincievski (kuntrabaxx), Tom Armitage (pjanu) u Jess Rymer (trumbetta).
Narrazzjoni minn Troubadours. Disinn tal-kostumi Luke Azzopardi.
Id-dħul b’xejn.
Carmen qiegħda tittella’ b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata Franċiża f’Malta.