Wara s-suċċess ta’ dawn l-aħħar snin, il-Belt Valletta issa għandha ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena tagħha fuq l-istess livell bħal bliet oħra, fl-Ewropa u fid-dinja kollha. L-avvenimenti għandhom l-għan li jlaqqgħu flimkien il-maġija u l-atmosfera ta’ festa mal-biċċa l-kbira ta’ belt kapitali tagħna waqt dan il-lejl speċjali.

Iċ-ċelebrazzjonijiet qegħdin jiġu organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, mal-Ministeru tat-Turiżmu, mal-Kunsill Lokali tal-Belt u mal-G7 Events.

Pjazza San Ġorġ ser terġa’ tospita l-palk prinċipali billi tippreżenta l-aqwa artisti u gruppi ta’ pajjiżna. Barra dan, din is-sena l-avveniment ser jilqa’ wkoll mistednin internazzjonali u l-finalisti tal-X factor UK 2015 Reggie and Bollie.

Il-formazzjoni tal-lejl ser tinkludi lil Ozzy Lino, Daniel Cauchi & the Big Band Brothers flimkien ma’ Marit Kesa, u mbagħad lil DJs Pierre Cordina u Clint Bajada li mistennija jieħdu r-riedni billi jdoqqu wħud mill-aqwa suċċessi tal-2016. Digital Projections – kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-MCAST, ser tiġi projettata fuq il-faċċata tal-Palazz waqt li l-udjenza tgħodd l-aħħar sekondi tas-sena 2016 sabiex nidħlu fis-sena l-ġdida. Wara ssegwi prestazzjoni lajv mill-mistednin enerġetiċi Reggie and Bollie.

Fl-aħħar jagħlqu l-lejl DJ Mykill u Trumpet Live.