Il-konferenza bit-titlu ‘Dynamics of Mediterranean artistic interaction in the Late Middle Ages and Early Modern Period’ se tlaqqa’ flimkien storiċi tal-arti lokali u barranin li jispeċjalizzaw fl-aspetti Medjevali u Rinaxximentali relatati mal-arti u l-kultura tal-Mediterran biex jipprovdu opportunità unika biex isir skambju ta’ ideat. Minħabba li qiegħda f’nofs il-Mediterran u f’salib it-toroq ta’ għadd ta’ influwenzi stilistiċi, Malta ġiet mogħnija b’varjetà ta’ fatturi li se jiġu esplorati f’din il-konferenza.
Kull akkademiku se jippreżenta riċerka oriġinali li tespandi l-limiti tal-għarfien ta’ bħalissa, u dak li joħroġ minnha jista’ jiġi meqjus għall-pubblikazzjoni iktar ’il quddiem. Il-papers se jittrattaw lil Malta, Siena, Ċipru, Rodi u Venezja, u għaldaqstant jgħinuna nifhmu aħjar il-mogħdija tal-għerf u l-arti fiż-Żminijiet tan-Nofs u fil-perjodu modern bikri fil-Mediterran. Xi aspetti li għandhom jiġu esplorati huma l-iskambju kulturali u artistiku f’Rodi tal-Ospitallieri, it-tema tal-Inkurunazzjoni tal-Verġni fil-Mediterran tas-seklu 13, l-iskambju bejn Sqallija, Malta u Venezja, u t-trittiku Rinaxximentali ta’ importanza lokali u internazzjonali fil-Mużew tal-Katidral fl-Imdina u li dalwaqt isirlu r-restawr.
Il-konferenza ta’ wara nofsinhar se ssir fid-9 ta’ Marzu fil-Kampus tal-Università tal-Belt Valletta. Tibda fis-14:00hrs u tispiċċa fis-19:00hrs. Wara jkun hemm bibita. Huwa rakkomandat li tirreġistra għal din il-konferenza qabel tattendi. Il-miżata tad-dħul għal din il-konferenza tkun ta’ €25. Tapplika miżata ta’ €15 għall-istudenti. Biex tibbukkja jew tistaqsi xi ħaġa, ibgħat email lil Dr Charlene Vella fuq [email protected].
Din il-konferenza appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.