Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tappoġġja l-‘Konferenza Ewropea dwar ir-Reżiljenza fl-Edukazzjoni’, li ser tiġbor flimkien riċerkaturi, ‘policymakers’ u prattikanti mill-Ewropa biex jeżaminaw it-teoriji, riċerka u l-prattiċi kurrenti fil-qasam tar-reżiljenza fl-edukazzjoni minn perspettiva Ewropea.
Il-parteċipanti ser jiddiskutu l-mod kif tista’ tiġi żviluppata u imsaħħa r-reżiljenza kemm fl-iskejjel u anki f’sistemi oħrajn fid-dinja ta’ madwarna. Il-konferenza ser tiffoka wkoll fuq kwistjonijiet transkulturali f’kuntest Ewropew. Tema oħra important tal-konferenza ser tkun l-edukazzjoni tal-għalliema fl-iżvilupp tar-reziljenza, kif ukoll ir-reżiljenza u l-benessri tal-għalliema stess. Il-Professur Michael Ungar, li huwa awtorita’ internazzjonali fuq ir-reżiljenza tat-tfal u taż-żghażagħ, ser ikun qed jindirizza il-konferenza. Ser ikun hemm ukoll diversi diskorsi ewlenin, sessjonijiet plenarji u sessjonijiet tematiċi paralelli.
Din il-konferenza qed tiġi organizzata bħala parti mill-projett ENRETE, li huwa proġett ERASMUS PLUS (2016-2018) mifrux fuq sentejn u li jinkludi sitt universitajiet Ewropej. Dan il-proġett qed jiġi kkoordinat miċ-Ċentru għar-Reżiljenza u Saħħa Soċjali-Emozzjonali ġewwa l-Universita’ ta’ Malta. L-universitajiet l-oħrajn huma l-Universita’ ta’ Rijeke (Kroazja), l-Universita’ ta’ Kreta (Greċja), l-Universita’ ta’ Pavia (Italja), l-Universita’ ta’ Lisbona (Portugall) u l-Universita’ Stefan cel Mare, Suceava (Rumanija). L-għan ewlieni tal-proġett huwa li jikkontribwixxi għal-ħolqien t’ambjenti ta’ tagħlim billi jeduka lill-għalliema biex jippromwovu r-reżiljenza u t-tkabbir ta’ studenti mmarġinalizzati, billi jipprovdilhom l-għodda, ir-riżorsi u l-kuntesti tat-tagħlim li jiffaċilitaw it-tagħlim akademiku, soċjali u emozzjonali, biex b’hekk itejbu il-mod kif jintegraw soċjalment u kif isiru ċittadini attivi.
Il-konferenza ser issir ġewwa l-Kampus tal-Universita’ ta’ Malta fil-Belt Valletta. Kull min jipparteċipa ser jirċievi ċertifikat t’attendenza.
Reġistrazzjoni b’xejn. Irreġistra fuq is-sit: http://enrete.eu/conference/conference-registration
Għal aktar informazzjoni: http://enrete.eu/conference/