Erba’ Pjazez fil-Belt Valletta se jkunu qed jospitaw spettaklu oriġinali matul is-serata tal-20 ta’ Jannar 2018 – il-jum li fih Valletta 2018 issir Kapitali Ewropea tal-Kultura. Kull spettaklu se jkun twil 20 minuta, u kull wieħed se jiġi ripetut 5 darbiet, fis-7, 8, 9, 1o u 11pm, b’hekk kull min iżur il-kapitali jista’ jgawdi minn din is-serata speċjali.

 

Il-Qawma tat-Tritoni – Pjazza Tritoni

Il-kumpanija tat-teatru Spanjola La Fura dels Baus se tospita spettaklu b’koreografija aerobatika li se tinkludi xibka umana fuq il-Funtana tat-Tritoni li għadha kemm ġiet restawrata. L-ispettaklu se jinkludi ġabra ta’ talent lokali, magħmul minn madwar 60 persuna. La Fura dels Baus jirrappreżentaw l-eċċentriċità, l-innovazzjoni, l-adattament, ir-ritmu, l-evoluzzjoni u t-trasgressjoni, u kontinwament jiddefinixxu l-ispazju mill-ġdid u jibdlu r-rwol tal-pubbliku minn wieħed passiv għal wieħed attiv.

 

Qalbna – Pjazza San Ġorġ

ŻfinMalta se jospitaw żifna moderna, b’koreografija ta’ Paolo Mangiola u akkumpanjata minn mużika oriġinali b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar. L-ispettaklu se jinkludi żeffiena jinteraġixxu ma’ viżwali projettati minn Blaze Animation u effetti tad-dwal minn Mad About Video.

 

Elfejn u Tmintax – Pjazza San Ġwann

Sinfonija korali ġdida fjamanta se titnieda fuq it-turġien tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Bil-mużika ta’ Elton Zarb, u bil-kor taħt id-direzzjoni ta’ Pamela Bezzina. Effetti tad-dwal innovattivi se jkunu qed jakkumpanjaw l-ispettaklu, u jdawlu l-faċċata antika sekli.

 

Minn Qiegħ l-Imgħoddi għall-Quċċata tal-Ġejjieni – Pjazza Kastilja

Projezzjoni 3D maħluqa mill-artist diġitali Duane Laus tiksi l-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja, u tgħaqqad komponenti CGI, mużika u effetti speċjali viżwali. Din l-istravaganza twila għoxrin minuta tiċċelebra l-passat u tipprepara għal futur immaġinat.

 

Tempo

11:30 PM ‘il quddiem – Pjazza San Ġorġ

TEMPO se tara lid-DJ Internazzjonali Tenishia f’infużjoni mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta diretta minn Sigmund Mifsud. TEMPO se jkun qed jagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ftuħ ta’ Erba’ Pjazez. Ir-rappreżentazzjoni se tkun qed tieħu lill-pubbliku fi vjaġġ fil-mużika elettronika dance u se tinkludi 17-il diska ikonika f’siegħa li ffurmaw il-ġeneru tal-mużika elettronika dance matul is-snin.

 

 

Minbarra l-ispettakli fuq l-Erba’ Pjazez, għandna xi rappreżentazzjonijiet speċjali għalikom:

  • Tapit l-Aħmar: (Triq Ġlormu Cassar) Gwardja tal-unur b’ċelebrazzjoni tal-poplu Malti. Il-baned se jitpoġġew fiż-żewġ naħat tat-triq, idoqqu l-mużika filwaqt li n-nies iduru minn post għal ieħor. Se titqassam l-imbuljuta, xarba tradizzjonali taċ-ċikkulata sħuna, lill-folol li se jkunu mixjin lejn l-avvenimenti li se jseħħu fil-programm matul is-serata. Il-baned li se jipparteċipaw huma: Soċjetà Filarmonika King’s Own (Valletta), Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu (Il-Fgura), Anici Band Club (Ħal Qormi), Banda Sant’Andrija (Ħal Luqa), Banda Sant’Anna (Marsascala), Għaqda Mużikali Marija Assunta (Il-Gudja), Għaqda Mużikali Sant’Elena (Birkirkara), Imperial Band Club (Mellieħa), Beland Band Club (iż-Żejtun), Għaqda Mużikali L’Isle Adam (ir-Rabat), Soċjetà Filarmonika San Pietru (Birżebbuġa), Soċjetà Mużikali San Lawrenz (Belt Vittoriosa), Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria (iż-Żurrieq).
  • Bandli: (Pjazza Żewġ Assedji, Triq ir-Repubblika) Żeffiena mill-Moveo Dance Company se joħolqu movimenti espressivi affaxxinanti fuq bandli mfassla apposta u fost l-udjenza.
  • Rota: (Triq ir-RepubblikaRota enormi magħmula minn nies ibbażata fuq koreografija ta’ Las Fura dels Baus tilqa’ l-folla lejn il-Belt Valletta. (La Fura dels Baus)
  • Big Dancers: (Pjazza tas-Suq l-Antik, Triq il-MerkantiRappreżentazzjoni fit-triq minn El Carromato, Spanja, b’pupazzi ġganti u effetti tad-dwal sinkronizzati ma’ koreografija ta’ moviment. L-udjenza u l-artisti se jikkollaboraw biex joħolqu atmosfera ta’ festin fit-triq.
  • Nibnu Malta: (Triq ir-Repubblika, ħdejn il-Kamra tad-DeputatiXenati jippreżentaw grupp ta’ buffi li jinteraġixxu mal-folla ta’ madwarhom fl-attentat komiku tagħhom li jsibu u joħolqu s-simbolu nazzjonali ta’ Malta.

3 banedKażinSka, Tikka Banda u Big Band Brothers se jakkumpanjaw il-folol minn post għal ieħor.

 

Narawkom hemm!