Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tappoġġja EX LIBRIS, wirja ta’ arti magħmula mill-metall mill-artista Daniża Marie Louise Kold. Il-wirja hija ispirata prinċipalment mill-kotba li għandhom fuqhom sekli sħaħ u li huma dwar il-metall, kimika u l-alkemija, li hemm fil-Biblijoteka tal-Belt.  Kemm il-kotba nfushom, kif ukoll il-kontenut xjentifiku tagħhom ispiraw arti magħmula mill-metall li torbot l-istorja mal-lum. L-arti ta’ spiss fiha kitba minquxa tant fil-fond fil-pjanċi tal-metall li ġġiegħel lil dak li jkun jiddubita dwar jekk dawn hux se jibqgħu hemm għal dejjem, inkella hux se jitfarrku fix-xejn… fil-fatt, bħall-kotba nfushom.

L-artista ħadmet bir-ram, ram aħmar u bronż, xejjħitu bil-kimika fi proċess ikkumplikat, u ħolqot “kotba”, skrolli u oġġetti oħra li ta’ spiss fihom il-kitba, kultant imfarrka ħafna, b’patina li tagħti kuluri naturali lill-metalli. Dawn ix-xogħlijiet artistiċi jkanġu sew mal-ambjent uniku tal-Biblijoteka. Marie Louise Kold tuża materjal li normalment huwa meqjus bħala intransiġenti, imma li hi tibdel bil-kimika (li ta’ spiss tissemma fil-kotba nfushom) fi stqarrija vivaċi dwar il-persistenza tal-ħsus umani.

EX LIBRIS tesplora minn ħafna naħat għadd ta’ aspetti tal-għarfien uman, toħloq pont bejn il-passat u l-preżent, u tpoġġi maġenb xulxin dak li jibqa’ għal dejjem, u dak li jgħaddi. F’dan il-mod tisfida ċ-ċertezza u l-intuwizzjoni, u twaħħad ix-xjenza mal-arti. Din il-wirja mimlija emozzjoni u li tqanqal il-ħsieb, ikkurata minn Ġorġ Mallia, twassal ukoll esperjenza estetika li żgur se togħġob li kull min se jżur il-Biblijoteka bejn is-7 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju 2018.