Time’s Up flimkien mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura u tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tistieden lil parteċipanti interessati biex jissieħbu fi grupp magħżul ta’ kontributuri f’eżerċizzju li jistħajjel diversi xenarji ġejjiena possibbli għal Malta u għall-Ewropa. Għaldaqstant Time’s Up qiegħda ttella’ żewġ workshops bil-għan li tiżviluppa l-kultura tal-ħsieb spekulattiv bit-tmexxija ta’ esperti flimkien ma’ grupp ta’ prattikanti.

Il-workshop Exploring a Post-Citizen Future tfassal għal ċittadini interessati, imħarrġa jew involuti bis-sħiħ f’inizjattivi u studji politiċi, soċjoekonomiċi u kulturali li jkunu sostenibbli f’sens ambjentali, għal residenti attivi jew konnessi mal-għaqdiet u mal-komunitajiet artistiċi u kreattivi lokali u għaċ-ċittadini kollha interessati b’mod oħrajn fil-ħolqien konġunt tal-ġejjieni. Il-workshop ser jitmexxa minn grupp magħruf ta’ diżinjaturi futuri u ser jippermetti li l-parteċipanti jfasslu xenarji ġejjieni possibbli, jistħajlu dinja li forsi lkoll għad ngħixu fiha u jimplimentaw oġġetti u midja li jistgħu jkunu disponibbli f’dawn ix-xenarji.

Migranti, kożmopoliti, refuġjati, espatrijati, aljeni, trapjanti – ninqdew b’ħafna kliem biex niddeskrivu persuni li jiċċaqalqu biex isiru parti minn grupp, post jew idea li jagħtuha valur. Il-workshop ser jistħarreġ il-kunċetti taċ-‘ċittadinanza’ leġġera u solida, is-sħubija u l-appartenenza, u kif dawn in-nozzjonijiet jistgħu jibdlu l-futur qrib. L-attività ser tagħti ħarsa fil-qosor lejn ir-rwol ta’ Malta fl-istorja taċ-ċaqliq u tal-appartenenza, tistħarreġ il-forzi li jagħtu definizzjoni ġdida liċ-‘ċittadinanza’ għal-lum u għal għada, u jfassal għamliet ġodda ta’ ċittadinanza – imkejjen, affarijiet, ideat jew ħwejjeġ differenti għalkollox. Bil-ħolqien ta’ xenarji, manifatti u midja sperimentali ġodda, il-workshop ser jesplora dawn l-għamliet tal-futur bħalkieku jeżistu issa.

Ir-riżultati tal-workshop ser jixxandru ma’ Malta kollha u lil hinn minnha, biex b’hekk jitqajjem l-interess mal-popolazzjoni ġenerali u tad-deċiżuri fi ħdan il-gvernijiet u gruppi interessati oħrajn.

Biex tissieħeb f’dan il-workshop, ibgħat test qasir (400 kelma massimu) li jiddeskrivi għaliex tixtieq tinvolvi ruħek fuq [email protected] qabel l-aħħar ta’ Jannar 2017. Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas.