Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tappoġġja uffiċjalment iċ-ċelebrazzjoni akkademika tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti tal-artist Brittaniku Victor Pasmore (1908-1998). Din il-fondazzjoni patrimonjali lokali diġà qiegħda tieħu ħsieb kollezzjoni permanenti ta’ bosta xogħlijiet permezz tal-gallerija Victor Pasmore Gallery fil-Belt Valletta.

Issa, bħala parti mill-programm edukattiv u espansiv tagħha, il-Fondazzjoni Patrimonju Malti qiegħda twessa’ l-interessi tagħha f’dan l-artist li kien ibbażat f’Malta b’sensiela ta’ taħditiet pubbliċi li ser jingħataw kull xahar b’xejn f’din il-gallerija ddedikata lilu. Dawn ser ifakkruna fl-importanza ta’ dan l-artist modern u astratt filwaqt li jiffukaw b’mod speċjali fuq il-preżenza artistika tiegħu fil-kuntest tal-moviment Malti tal-arti moderna tas-seklu 20.

It-taħditiet pubbliċi huma maħsuba għall-istudenti tal-istorja tal-arti u tal-letteratura, għall-anzjani u b’mod speċifiku għaċ-ċittadini Brittaniċi li jgħixu Malta. Tul ix-xhur li fadal sal-2018, il-programm tat-taħditiet ser ifittex li jgħarraf lill-udjenza filwaqt li jqajjem sensibilizzazzjoni, iħeġġeġ id-diskussjoni u jiġġenera l-ideat. Il-kelliema, li ntgħażlu ferm qabel it-taħdita tagħhom, ser jittrattaw suġġetti li jistgħu joffru modi alternattivi kif nesploraw l-impatt ta’ artist fl-oqsma tal-espressjoni assoċjati kollha.

 

It-temi u l-kelliema li ġew ikkonfermati s’issa jinkludu:

8 ta’ Novembru 2016 – Presenting Pasmore, taħdita minn Dr Theresa Vella

6 ta’ Diċembru 2016 – Pasmore and the Art of Abstraction, taħdita mill-artist Luciano Micallef

10 ta’ Jannar 2017 – The Architect in Pasmore, taħdita minn Prof Conrad Thake

14 ta’ Frar 2017 – (un)Framing Pasmore, taħdita minn Dr Valerie Visanich

21 ta’ Marzu 2017 – De-constructing Pasmore’s Poetry, taħdita minn Dr Giuliana Fenech

11 ta’ April 2017 – The Ancient, Myth and Modern Art, taħdita minn Dr Louis Lagana

16 ta’ Mejju 2016 – Cultural Landscapes, Collections and Spaces, taħdita minn Dr John Paul Cauchi

 

Is-suġġetti magħżula li jittrattaw ‘il-belt u ċ-ċittadinanza’ – l-iżjed dawk marbuta mill-qrib mal-apprezzament u l-preservazzjoni tal-valuri kulturali – ilaqqgħu lis-segwaċi tal-arti moderna flimkien mal-pubbliku ġenerali f’gallerija intima li tippermetti d-djalogu. Dan jaqbel tajjeb ħafna ma’ wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Fondazzjoni Valletta 2018, jiġifieri l-istimulazzjoni tar-riġenerazzjoni kulturali u soċjali tal-kapitali.

Matul il-perjodu skolastiku u sajfi tal-2017, il-Fondazzjoni Patrimonju Malti ser ittella’ wkoll serje ta’ workshops supplimentari għat-tfal u għall-istudenti, fosthom Hanging Sculptures, Patterns from Nature, Reading Myth and Interpretative Drawing. Dawn huma estensjoni ta’ wħud mit-temi ewlenin li ser ikunu qegħdin jiġu diskussi fit-taħditiet pubbliċi. Permezz ta’ dawn il-workshops il-Fondazzjoni Patrimonju Malti beħsiebha tħeġġeġ lit-tfal biex jirfinaw il-ħiliet tagħhom fl-osservazzjoni, fis-soluzzjoni tal-problemi, fil-ħsieb kreattiv u fl-immaġinazzjoni. Dawn l-attivitajiet fil-biċċa l-kbira huma eżerċizzju sperimentali li jippermetti li l-parteċipanti jesprimu ruħhom f’libertà tassew sħiħa, b’enfasi speċjali fuq il-proċess u l-fehim tal-kunċetti mistħarrġa.

Għal iktar tagħrif u aħbarijiet jekk jogħġbok żur ukoll il-paġna uffiċjali Victor Pasmore Gallery fuq Facebook.