L-avveniment li jmiss ta’ FRAGMENTA ser isir fil-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala nhar il-Ħadd 2 ta’Ottubru, bejn il-5.00 pm u s-7.30 pm. L-aħjar ħin mistenni jkun bejn il-5.30 pm u s-6.30 pm. L-artista Sandra Banthrope ser tistieden lill-pubbliku jżur l-istallazzjoni speċifikament poetika “UNTITLED (Ix-Xemx)”.
“Iżda waqt li ffaċċja l-Punent u xeħet ħarstu tul il-wied ta’ quddiemu, l-imrieżaq tax-xemx tiela’ minn warajh laqtu ħġur it-tieqa ta’ daru fi splużjoni ta’ dawl dehbien jgħammxek…”
“UNTITLED (Ix-Xemx)” hija stallazzjoni b’ħin u lok speċifiku skedata biex tibda fil-mument li l-protagonista tal-esebizzjoni – ix-Xemx Nieżla, tkun qiegħda tħalli l-post bil-mod drammatiku tagħha. Bħala tfakkira viżwalment poetika tal-inevitabbli din tqanqalna niftakru li (ma) nistgħu(x) nieħdu kollox bħala fatta – l-affarijiet spiss ma jkunux kif jidhru.
F’kuntrast ma’ dan u mal-prevedibbiltà xejn konfutabbli tax-Xemx ‘ningħataw daqqa ta’ ħarta’ bil-ħila tagħha li tgħammex u li tisseduċi b’tali mod li jseħħilha tagħti nifs ta’ ħajja ġdida lill-komuni. Biż-żjara tiegħek (ġieli bla ħsieb) u bl-iskoperta ta’ dan kollu titwettaq bis-sħiħ l-intenzjoni tal-attività nfisha… B’danakollu l-istallazzjoni twissi: qatt taqa’ fi sfiegħ ir-regħba, u ftakar li dment li d-dinja tibqa’ ddur dejjem ser jisbaħ jibqa’ l-jum t’għada…
Bħas-soltu dan l-avveniment ta’ FRAGMENTA huwa miftuħ għall-pubbliku kollu u b’xejn.
FRAGMENTA tgawdi l-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
Dwar l-artista
Imwielda Malta, fil-biċċa l-kbira Sandra Banthorpe tgħix Malta fejn bħalissa taħdem ta’ artista prattikanti. Irreġsitrat diversi suċċessi bħala Dekoratriċi tas-Setts f’feature films u fi stills b’reputazzjoni internazzjonali tajba.
Banthrope studjat fiċ-Chelsea College of Art u fil-Camberwell Art College. Ix-xogħol tagħha jżomm element distint ta’ xeħta skulturali, kemm meta japproprja l-ħajja ta’ kuljum mill-ġdid u kemm meta jistħajjel xi ħajja mgħoddija. Huwa inevitabbli li x-xogħol tagħha jilħaq il-milja tiegħu f’armonija miġbura b’mod konxju.
Tul bosta snin Banthrope kienet tmexxi wkoll spazju ta’ gallerija indipendenti (2c Albert rd) fir-Renju Unit u bħalissa hija d-Direttur Kreattiv tal-Kinemastik Short Film Festival u tal-wild ċinematografiku tiegħu ‘Little Rock People.’
Sandra Banthrope għandha interess partikulari ħafna fix-xemx.
FRAGMENTA hija pjattaforma maħsuba għall-preżentazzjoni tal-arti kontemporanja fil-għamla ta’ esebizzjonijiet stil pop-up imtella’ fi spazji pubbliċi jew semi-pubbliċi fil-għejjer Maltin. Bħala spazju li jippermetti l-proġetti mingħajr spazju fiżiku, FRAGMENTA għandha l-missjoni li toffri esperjenzi fil-forma ta’ avvenimenti artistiċi li jsiru f’diversi postijiet u ambjenti f’Malta u d-dwarijiet tul massimu ta’ 24 siegħa. L-esebizzjonijiet jiġu kkurati minn Bettina Hutschek li tagħżel ukoll il-post u l-ambjent. L-esebizzjonijiet jittellgħu permezz ta’ proċess ta’ kollaborazzjoni bejn FRAGMENTA u l-artisti.