Titlifx dan l-ispettaklu li jaqtagħlek nifsek mill-kumpanija performattiva Taljana Il Posto, li se tittrasforma wieħed mill-aktar binjiet ikoniċi tal-Belt Valletta, il-Palazz tal-Granmastru fi Pjazza San Ġorġ, b’koreografija spettakolari vertikali, flimkien mal-mużika u l-projezzjonijiet tal-vidjow. Dan l-ispettaklu żgur li jqanqal l-atmosfera festiva fil-21, it-22 u t-23 ta’ Diċembru 2018.

Full Wall hija għażla tal-aktar koreografiji ta’ suċċess ta’ Il Posto. Il-Full Wall hija rappreżentazzjoni speċifika tas-sit, enerġetika kif ukoll dinamika, ispirata mill-arkitettura.

Iż-żfin vertikali jinftiehem bħala ġisem li jiċċaqlaq b’mod perpendikolari għall-ħajt billi jistabbilixxi relazzjoni mal-ispazju skont perspettiva ġdida. L-arkitettura u l-pajsaġġ għandhom rwol ċentrali, li jimmarka u jiddistingwi kull spettaklu. Il-mużika tinħoloq speċifikament għal kull spettaklu u tiġi addattata skont il-post, u tindaqq live bis-sassofonu u l-mużika elettronika.

Il-kumpanija Il Posto ipparteċipat f’festivals u avvenimenti importanti fix-xena nazzjonali kif ukoll internazzjonali bħas-Singapore Arts Festival, Uniteatro Festival f”Paranà-Brazil, International Dance Festival f’Bangkok, Kuopio Dance festival fil-Finlandja, Dimitria Festival f’Salonicco, Lugar a Dança f’Lisbona, Silkeborg Performer House – id-Danimarka, Doha fil-Qatar, Gaborone fil-Botswana, FoolsFestival f’Belfast, Defense Paris, Festival Des Arts Vivant 2009 fir-Rabat, Mittelfest, Roma f’Scena, il-Karnival ta’ Venezja u diversi festivals oħra fl-Italja bħal Milan, Genova u Napli.