Il-proġetti tagħna jwasslu l-kultura wara bieb kulħadd, waqt li jgħaqqdu l-viżjoni tradizzjonali ta’ ħajja Mediterranja arrikkita b’relazzjonijiet mill-qrib mal-familja, mal-ħbieb u mal-ġirien flimkien mal-prattiki kreattivi dejjem jikbru tal-gżira. Żur il-kapitali biex tiskopri t-temi diversi fit-toroq tal-Belt Valletta u l-madwar matul il-Ġimgħa tal-Ftuħ tagħna.

 

Lanċa Ġejja u Oħra Sejra – Laneċ tal-Belt Valletta

Mużika fuq il-laneċ lejn/mill-Belt Valletta, li tilqa’ lill-poplu lejn belt mimlija ħajja, b’togħma ta’ dak li se jsibu jistennihom fi ħdan il-ħitan tal-belt – bil-mużika hip-hop, dance u rap fl-isfond. Il-laneċ se jivvjaġġaw mit-Tlett Ibliet u minn Tas-Sliema sal-Belt Valletta u se jkollhom il-mużiċisti jdoqqu l-mużika abbord. Lanċa Ġejja u Oħra Sejra se tinkludi żeffiena mill-Kinetic Dance Academy.

  • 15-18 ta’ Jannar, 20 ta’ Jannar

 

Tal-Lino – Trasport Pubbliku

Qatt ħsibt li jista’ jkollok jukebox fuq il-karozza tal-linja? Jekk tmissek ix-xorti, tkun fiċ-ċans li tiltaqa’ ma’ Ozzy Lino, il-jukebox umana tagħna, li se jkun qed idur fuq il-karozzi tal-linji matul il-ġimgħa u jwassal l-atmosfera ta’ Valletta 2018 madwar il-Gżejjer.

  • 15-20 ta’ Jannar