Għal dawn l-aħħar tliet snin, Joseph Galea u Carlos Farrugia tellgħu teatru kontemporanju relatat ma’ żmien il-ġimgħa mqaddsa ġewwa l-Belt Valletta. L-ewwel xogħol tagħhom kien “Kristu fi Strada Stretta” fl-2015, li kien sar fi Splendid ġewwa lokalità fi Strada Stretta stess. Xogħol li kien intlaqa’ tajjeb ħafna tant u hekk li s-sena ta’ wara ġew offruti jtellgħu dan l-istil ta’ teatru fi Spazju Kreattiv – Il-Kavallier ta San Ġakbu, fil-Belt Valletta stess. Il-produzzjoni kien jisimha Passjoni tad-Duluri. Is-sena li għaddiet tellgħu il-proġett “L-Iffissat t’Alla” fil-Kavallier ta’ San Ġakbu stess.
Il-produzzjonijiet oriġinali huma kontemporanji fejn għalkemm jittellgħu fi żmien il-ġimgħa mqaddsa, huma xogħlijiet li jistgħu jittellgħu fi kwalunkwe żmien tas-sena u jolqtu diversi tipi ta’ udjenzi.
Il-produzzjoni ta’ din is-sena iġġib l-isem ta’ “Ħarsa ta’ Kristu”, storja kontemporanja li tlaqqagħna ma’ ħtija, dubju, sigriet u maskri.
Kull persuna hija moħbija wara maskra, eżatt bħal dawk li fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jgħattu wiċċhom u jġorru marbuta ma’ saqajhom, ktajjen ħoxnin. Bi tradizzjoni, b’dilettantiżmu, b’fanatiżmu…imma jista’ jkun ukoll b’sens ta’ ħtija.
Min hemm moħbi wara dik il-biċċa drapp li tħalli biss mikxufa par għajnejn wara żewġ toqbiet?
Il-ġrajja tibda’ Sivilja fi Spanja u tkompli Malta. Il-Belt Valletta, fejn żewġ koppji Maltin jiltaqgħu waqt ġita, meta jmorru sabiex jattendu għall- purċissjonijiet famużi f’din il-Belt Spanjola fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira.
Erba’ persuni, kollha bil-maskra tagħhom. Kollha bil-passat tagħhom. Kollha bis-sigrieti tagħhom. F’kull karattru hemm midfuna ġrajjiet li lanqas l-aktar nies qrib tiegħu ma jafu bihom. Lanqas l-istess persuna li tqatta’ ħajjitha ma’ l-istess karattru.
Din hi storja li tilgħab bejn ir-realiżmu u dak li hu surreali. Bejn dak li jidher u dak li hu mistur. Ġrajja fejn il-bniedem jitlef il-kontroll ta’ xewqatu. Ġrajja dwar meta jitkellmu biss l-għajnejn.
Kitba ta’ Joseph Galea, direzzjoni ta’ Carlos Farrugia. Atturi: Antonella Galea Loffreda, Carlos Farrugia, Lorianne Bugeja, Aaron Fenech. Bil-parteċipazzjoni ta’ Patrick Tanti, Steve Cilia, Stefan Bezzina, Gilbert Mallia.
Dawn il-produzzjonijiet qed jittellgħu bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Għal aktar informazzjoni, ċempel fuq 99467410. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn hawn.