Immaġina lilek innifsek tmur lura iktar minn 2000 sena, issib lilek innifsek fil-Passjoni ta’ Kristu fi pjazza fil-kampanja ta’ Ħal Qormi. Fin-nofs hemm santwarju ddedikat lill-Madonna Tal-Ħlas. Dan il-proġett huwa intenzjonat li joħloq l-atmosfera u r-rappreżentazzjoni viżiva ta’ x’kien ifisser li tgħix fiż-żminijiet tal-passjoni ta’ Kristu.

Fis-6pm il-programm jibda biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Wara, jibda l-musical ta’ Way of the Cross bl-isem ‘Ħlas – Ikun Li Trid Int’. Rappreżentazzjoni ta’ 50 minuta li tinkludi marċ Ruman, lil Ġesù fil-Ġetsemani, it-tradiment ta’ Ġuda, il-ġuri ta’ Ġesù, iċ-ċaħda ta’ Pietru, lil Ġesù ġudikat minn Pilatu, imsawwat u nkurunat bix-xewk, it-triq tas-salib, megħjun minn Xmun iċ-Ċirinew, it-tisliba ta’ Ġesù u l-ħallelin, il-mewt ta’ Ġesù, id-duluri ta’ Marija u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. Fil-pjazza se jkun hemm ukoll għadd ta’ bankijiet tas-snajja’ Maltin u oħrajn b’ikel u xorb. Dan kollu se jkun imdawwar bi fjakkli li se jdawlu l-inħawi. Fost għadd ta’ kantanti li se jieħdu sehem se jkun hemm Vittorio Gauci, magħruf għall-band tiegħu The Crowns, Corazon, Joe Farrugia mill-band Cyclone, Ishmael Grech u Mirko Bugeja. It-triq tas-salib għandha l-oriġini tagħha fil-hit tas-snin 80 ‘Ikun Li Trid Int’ ta’ Manuel Mifsud u Therese Cassar b’adattamenti ġodda minn Giovann Attard u rekordings minn Augusto Cardinali.

Se jkun hemm 3 rappreżentazzjonijiet biex jaqdu lil dawk kollha li se jattendu f’ħinijiet differenti u l-aħħar rappreżentazzjoni tibda fid-9:30pm. Dawk li se jiġu, iridu jiġu fi Triq l-Għargħar 1979 fin-naħa ta’ Ħal Qormi San Ġorġ ħdejn Wied is-Sewda minħabba li se jkun hemm servizz ta’ mini bus shuttles (park and ride) b’xejn biex jeħodkom fil-post. Wieħed jista’ wkoll jasal min-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ magħrufa bħala Tal-Kunċizzjoni. Din l-attività hija bla ħlas. Dawk li se jattendu se jkunu parti mir-rappreżentazzjoni u mhux spettaturi biss. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ‘Ħlas – Ikun Li Trid Int’ fuq Facebook.

Bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Għaqda Qawmien AD 1999 bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.

Landscape (1)

In-naħa mmarkata hawn fuq hija fejn se tittella’ l-attività. Tinsab fuq in-naħa ta’ barra ta’ Ħal Qormi, limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.