Il-Historical Re-enactment Group of Malta (HRGM) qed jikkommemora l-220 anniversarju tal-Imblokk Franċiż ta’ sentejn ta’ Malta li sar bejn l-1798 u l-1800. Dan kien perjodu turbulenti ħafna tal-istorja ta’ Malta bi tliet bidliet fir-reġim li wasslu għal terremot soċjali, politiku u kulturali u l-mewt (skont xi wħud) ta’ 20% tal-popolazzjoni tal-pajjiż.
Il-proġett huwa maqsum fuq perjodu ta’ xahrejn, bil-qofol tiegħu jseħħ bejn l-4 u l-10 ta’ Ġunju 2018. Din is-serje ta’ inizjattivi se ssir madwar diversi postijiet madwar Malta u Għawdex u se tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ madwar 600 ruħ, b’xi 400 minnhom ġejjin minn madwar l-UE. L-attivitajiet se jinkludu t-teatru, żfin, prestazzjonijiet mużikali, lekċers, wirja, dibattitu, u l-akbar rikostruzzjoni storika li qatt saret f’Malta. B’mod speċjali fil-kuntest lokali, sforz imdaqqas bħal dan jeħtieġ, u jġib flimkien persuni – speċjalment żgħażagħ minn bosta dixxiplini artistiċi differenti li għandhom jaħdmu id f’id, u permezz ta’ dan se jtejbu kemm il-ħiliet tagħhom kif ukoll jiżviluppaw il-ħila li jaħdmu f’timijiet u li jaħdmu bħala parti minn komunità usa’.
Il-HRGM hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita fl-1998, u bis-70 membru attiv tagħha hija l-ikbar għaqda tar-rikostruzzjonijiet storiċi u tal-istorja ħajja f’Malta. Is-Soċjetà tgħaqqad l-istorja, iż-żfin, il-mużika u l-entużjasti u r-riċerkaturi tal-militar li matul l-aħħar żewġ deċennji ħadmu flimkien biex joħolqu attivitajiet kulturali spettakolari madwar il-Gżejjer Maltin flimkien ma’ organizzazzjonijiet bħall-Malta Community Chest Fund, Heritage Malta, Din l-Art Ħelwa, Fondazzjoni Wirt Artna, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta u oħrajn.
Il-proġett jimmira li jtejjeb il-profil kulturali rikk tal-belt kapitali tagħna – u ta’ pajjiżna b’mod ġenerali – permezz tal-wirt uniku mogħti lilna mill-Kavallieri ta’ Malta, u li jgħaqqad flimkien persuni minn madwar l-Ewropa biex jiċċelebraw id-diversità kulturali rikka u l-valuri komuni tal-kooperazzjoni u l-ħbiberija tagħna.
Dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018.